Sal-bieraħ, kienu 2,730 persuna li f’Malta li qed jirregistraw għal xogħol. Figura li turi li issa n-numru ta’ nies qiegħda niżel sew taħt it-3000.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u ċ-Ċermen ta’ Jobs+ Clyde Caruana; li saret b’reazzjoni għall-istatistika tal-Eurostat ilbieraħ li kkonfermat kif fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-ohra Malta kellha l-ikbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Chris Cardona fisser dawn il-figuri bħala konferma li l-istrateġija ekonomika tal-Gvern qed tasal għand kulħadd, u fix-xhur li ġejjin il-ġid maħluq se jkompli jitkattar.
Innota wkoll iż-żieda fin-numru ta’ nies jaħdmu li fi żmien amministrazzjoni preċedenti kien ħafna inqas; bħall-Għawdxin, persuni b’diżabilità u nies meqjusa li qegħdin f’riskju soċjali.
Iċ-Ċermen ta’ Jobs+ Clyde Caruana elenka miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin li għenu biex nies minn kull faxxa u spettru tas-soċjetà kienu inċentivati jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Bħall-miżura taż-childcare centres b’xejn, li qabel ma daħlet fis-seħħ kienu biss 18% tal-ġenituri li għandhom tfal bejn 0-3 snin li kienu jahdmu. Mentri issa, bis-servizz ta’ childcare centres bla ħlas hemm nofs il-familji li għandhom tfal ta’ bejn tat-twelid u t-3 snin, qegħdin fid-dinja tax-xoghol.
Bħalissa f’Malta 80% tan-nisa ta’ bejn il-25 u d-29 sena qegħdin jaħdmu. Rata fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.