Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ħabbret li rilaxx ta’ ħames frieħ tal-barbaġann fl-inħawi tal-Ġonna tal-Buskett kien ta’ suċċess.
Fi stqarrija, il-federazzjoni qalet li dan kien il-pass li jmiss mill-proġett li nehdiet fl-2017 biex tintroduċi mill-ġdid il-barbaġanni fil-kampanja Maltija.
F’Lulju li għadda kienu tpoġġew l-ewwel tlett ifireħ fil-Hacking Box, li hija kaxxa li meta jasal iż-żmien titħalla miftuħa biex il-baraġann ikun jista’ jtir ‘il barra fil-kampanja.
Wara t-tluq tal-Barbaġanni, il-kaxxa tibqa’ miftuħa u fiha jitpoġġa l-ikel, li l-frieħ jibqgħu iżuru sakemm finalment jitgħallmu jikkaċjaw waħidhom fin-natura.
Xahar wara, propju fil-21 ta’ Awwissu, waqt żjara tal-proġett li kien għamel it-Tenur Malti Joseph Calleja, infetħet din il-kaxxa u l-ewwel tliet Barbaġanni bdew jimirħu fil-Buskett.
Imbgħad fil-bidu ta’ Settembru tpoġġew żewġt ifrieħ oħra, bil-kaxxa infetħet ftit tal-jiem wara.
Intant fil-ġejjieni u b’kollaborazzjoni ta’ Joseph Calleja, l-FKNK se tintroduċi proġetti simili f’partijiet oħra ta’ Malta, anke f’żoni urbani. Filwaqt li se jiġu nstallati kaxxi apposta fl-inħawi tal-Buskett biex il-popolazzjoni tal-barbaġann f’pajjiżna terġa’ tibda titnissel fis-selvaġġ wara nuqqas ta’ ħafna snin.
Il-President tal-FKNK u l-amministratur prinċipali tal-Proġett, Lucas Micallef, tenna li minkejja xi diffikultajiet li ltaqgħu magħho, is-suċċess ta’ dan il-proġett mliehom b’aktar kuraġġ sabiex il-federazzjoni tibqa’ għaddejja b’dan il-proġett ta’ konservazzjoni u biodiversità tal-ambjent naturali, u li jappartjeni għall-poplu kollhu Malti u Għawdxi.