Ġiet imnedija pjattaforma diġitali ġdida fil-forma ta’ app, bl-isem ta’ SUBSCRIBED, li żżommok aġġornat b’kull aħbar li tiġri f’Malta kif ukoll barra minn xtutna dwar kategoriji ta’ aħbarijiet li jkunu tal-għażla personali tiegħek.
B’din l-app tkun tista’ taċċessa wkoll il-pjattaformi kollha ta’ aħbarijiet li jeżistu f’pajjiżna.
ONE News tkellem mal-moħħ wara SUBSCRIBED, Nick Scerri, li wkoll iddisinja u ħoloq l-app. Hu tenna li, fiż-żmien tal-pandemija, perjodu li ġab ħafna inċertezza, kulħadd kien magħluq f’daru u, bħalu, il-maġġoranza tal-poplu kienet tmur tiċċekkja l-aġġornamenti li kienu joħorġu ta’ kuljum fuq diversi siti tal-aħbarijiet.
Kien hawnhekk ġietu din l-idea tal-app.
Qal, “Għedt, li kieku, minflok, jiena mmur infittex għal din l-informazzjoni, din l-aħbar, kif l-aħbar tista’ tasal għandi skont l-interessi tiegħi? Jiena kien jinteressani dawk il-kategoriji tal-aħbarijiet dak iż-żmien fuq il-COVID u għedt din tista’ tapplika wkoll għal affarijiet oħrajn kif ukoll dak li qed jiġri llum.”
Intant Nick kompla jispjega kif wieħed għandu juża din il-pjattaforma u xi jkun qed jistenna minnha.
Qal, “Tabbona għal dawk il-kategoriji ta’ aħbarijiet tal-istazzjonijiet li huma preferuti tan-nies u b’hekk huma se jirċievu notifiki relatati biss ma’ dawk il-kategoriji. Jekk, pereżempju, jinteressahom l-isport jew il-politika jew il-finanzi, se jidħlu fl-app, jagħżlu l-istazzjon tal-aħbarijiet favorit tagħhom, jagħżlu wkoll biex jabbonaw għal dawk il-kategoriji li jinteressahom.”
Nick spjega wkoll li wieħed jista’ jikkontrolla kemm-il notifika jrid jirċievi. Persuna tista’ taddattahom għall-preferenzi tagħha, jiġifieri jew li tkun aġġornata mill-ewwel meta tidħol aħbar jew jidħlu inqas ammont ta’ notifiki u wara jidħlu forma ta’ sommarju.
Din il-pjattaforma tista’ tiġi aċċessata kemm minn fuq l-App Store jew anke Google Play Store.