Il-Malta Airport Foundation illum nediet Submerged World; serje ta’ dokumentarji qosra li jqarrbu lill-udjenza lejn id-dinja ta’ taħt il-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin, b’mod partikolari sitta mill-aktar siti mfittxija mill-għaddasa.
Is-serje bdiet b’episodju dwar it-tanker Um El Faroud, li ġie mgħarraq fl-1998 biex iservi ta’ waħda mill-ewwel sikek u attrazzjonijiet artifiċjali għall-għaddasa f’Malta. L-episodju ta’ madwar sitt minuti juri li llum il-ġurnata t-tanker mgħarraq jagħti kenn li diversi speċijiet tal-baħar u jattira wkoll lil bosta għaddasa minħabba l-ħajja rikka li fjorixxiet madwaru.
“Permezz ta’ Submerged World, nixtiequ nkomplu nippromwovu d-dinja ta’ taħt il-baħar tal-gżejjer Maltin mat-turisti, filwaqt li ntejbu l-viżibbiltà ta’ din id-dinja li mhijiex daqstant aċċessibbli għal persuni li mhumiex għaddasa. Dan il-proġett qiegħed jitwettaq f’kollaborazzjoni ma’ kumpanija b’esperjenza wiesgħa fil-produzzjoni tad-dokumentarji – Monolith, u l-Professur Alan Deidun bħala l-produttur eżekuttiv. Għalhekk nemmnu li l-prodott finali ser jappella għal udjenzi differenti kemm min-naħa ta’ viżwali ta’ kwalità għolja u kemm fir-rigward ta’ informazzjoni edukattiva,” qal iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation is-Sur Josef Formosa Gauci.
“Il-bastimenti u l-ajruplani li jiġu mgħarrqa biex iservu ta’ attrazzjoni huma wħud mill-aqwa tentattivi tal-bniedem sabiex idawwar lura l-arloġġ u jipprova jirriġenera elementi mill-ambjent ta’ taħt il-baħar li qegħdin jintilfu minħabba fl-azzjonijiet tiegħu. Il-bastimenti u l-ajruplani mgħarrqin jattiraw konċentrazzjoni ta’ speċijiet, u b’hekk jirrappreżentaw opportunità eċċellenti sabiex il-bniedem jagħti xi ħaġa lura lin-natura u ter,” qal il-Produttur Eżekuttiv tad-dokumentarji l-Professur Alan Deidun.
Bħalissa t-tim li qiegħed jaħdem fuq il-proġett għaddej bix-xogħol fuq il-produzzjoni tal-ħames episodji li jmiss mis-serje Submerged World, li huma mistennijin jixxandru bejn Diċembru 2022 u s-sena 2023 u jniżżlu lill-udjenza f’livelli differenti taħt l-ilma sabiex jiskopru kif ajruplan ta’ żmien il-gwerra u diversi bastimenti issa qegħdin jipprovdu abitat għal firxa sħiħa ta’ organiżmi.
Submerged World mhuwiex l-ewwel proġett li qiegħed ilaqqa’ flimkien lill-Malta Airport Foundation, Monolith u l-Professur Alan Deidun. Il-Fondazzjoni kienet ikkollaborat mal-kumpanija ta’ produzzjoni Monolith u l-Professur Deidun fuq il-produzzjoni ta’ żewġ dokumentarji oħrajn, li nġibdu fl-ilmijiet ta’ madwar Filfla u Kemmuna.
Il-Malta Airport Foundation twaqqfet fl-2014, bil-għan li tipproteġi u tippromwovi l-wirt ambjentali, kulturali u artistiku tal-gżejjer Maltin.