Minn din il-ġimgħa t-tilqima tal-Human Papillomavirus (l-HPV) se tibda tingħata lis-subien ta’ ’l fuq minn tnax-il sena u lill-irġiel li twieldu mis-sena 2000.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjega li s’issa din it-tilqima kienet tingħata biss lil tfajliet li għandhom iktar minn tnax-il sena minħabba riskji ta’ kanċer fl-għonq tal-utru. Madankollu, f’dawn l-aħħar xhur qed toħroġ l-evidenza li turi li din it-tilqima għandha tingħata wkoll lis-subien.
In-nefqa tal-Gvern għal din il-miżura se tlaħħaq it-2.2 miljun ewro.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-virus tal-HPV jgħaddi minn persuna għall-oħra permezz ta’ attività sesswali u b’hekk sostniet li huwa importanti li dan il-vaċċin jingħata qabel ma persuna tibda tkun sesswalment attiva. Ġie spjegat ukoll li din it-tilqima tolqot disa’ tipi ta’ viruses.
Id-Deputat Prim Ministru semma li, fl-aħħar 10 snin, madwar 20,000 aċċettaw li jieħdu din it-tilqima. Il-kanċer fl-għonq tal-utru jista’ jolqot lil nisa ta’ kull età, u allura l-appell hu biex dawk li jirċievu l-invit, jitlaqqmu.
“Din kienet waħda mill-proposti fil-manifest elettorali, proprju proposta 511, biex nibdew nagħtu wkoll it-tilqima tal-HPV mhux biss lill-bniet imma wkoll lis-subien. Din hija tilqima li tiswa bejn 330 u 570 ewro, skont l-età ta’ min ikun qed joħodha, u allura se nkunu qed noffru din it-tilqima mingħajr ħlas għal dawk is-subien li għalqu tnax-il sena u għas-subien – biex inpattu għan-numru ta’ snin li konna ntuha l-bniet biss, se mmorru lura biex dawk is-subien kollha li twieldu mill-2000 lil hawn matul is-snin li ġejjin se jiħdu t-tilqima wkoll biex b’hekk inkunu qed nipproteġuhom mill-mikrobu HPV li jista’ jiġi trażmess sesswalment u jista’ jwassal għal ċerti forom ta’ kanċer. ”
Fil-frattemp, il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li trabi minn sitt xhur sa erba’ snin jistgħu jibdew jingħataw il-vaċċin kontra l-Covid 19.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li l-ġenituri jistgħu jattendu l-polikliniċi mat-tfal tagħhom biex jirċievu l-vaċċin tal- COVID-19.
Intqal ukoll if sa issa ngħataw aktar minn 120,000 doża tal-vaċċin tal-influwenza u tal-Omicron.