Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ tmien snin ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ tmienja u erbgħin sena wara li stupra u abbuża sesswalment minn tfajla ta’ 16-il sena u oħra ta’ 12-il sena meta kellu sitta u tletin sena.
Il-każ seħħ f’Novembru ta’ 11-il sena ilu meta t-tfajla ta’ sittax ġiet Malta wara li kellha xewqa kbira li tiltaqa’ mal-persuna li qalulha li kien il-missier naturali tagħha. Madankollu, it-tfajla deskritta fuq ruħha, spiċċat stuprata u abbużata bosta drabi minnu wara li beda jeħodha f’bars tisker u fl-aktar mumenti dgħajfa, kien jabbuża minnha.
Fl-appell, il-missier talab li jiġi lliberat wara li allega li r-rapport lil pulizija sar meta ddeċieda li jibgħatha lura l-Ingilterra għand ommha minħabba raġunijiet ta’ dixxiplina. Allega wkoll li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li żewġt ibniet kienu verġni.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima irrimarkat li r-raġel ma ressaqx l-iċken prova li t-tfajla gidbet jew ivvintat storja pjuottost ikkullurita. Qalet li x-xhieda tagħha kienet imsaħħa wkoll mix-xhieda tal-minuri l-oħra li kienet xhud tal-abbuż sesswali li kien qed iseħħ mill-missier fuq bintu.
Il-Qorti qalet li għalkemm irriżulta li t-tfajla kienet kemxejn fuq ruħha u li ma kienet tiddejjaq xejn tikkonsma volum mhux ħażin ta’ alkoħol, madankollu dan ma jiġġustifikax l-għemil tal-missier li hu raġel matur li f’idejh kienet fdata r-responsabbiltà li jieħu ħsieb tfajla li kellha xewqa kbira li tiltaqa’ miegħu biex issir tafu aħjar.
Il-Qorti qalet li l-missier abbuża minn din id-dgħufija ta’ tfajla ta’ sittax-il sena li kienet għaddejja minn problemi fl-adoloxxenza u fittex il-pjaċir sesswali mingħandha flok ħa ħsiebha u waqqafha milli tkompli tegħreq fil-problemi.
Fil-qorti ħareġ ukoll li kien jeħodha fil-bar ta’ ħuh f’Birżebbuġa fejn kienet tikkonsma l-alkolħol fil-preżenza tiegħu waqt li oħtu qalet kienet tara lit-tfajla fis-sakra u tagħti kunfidenza lill-irġiel. Episodji li kollha kienu jseħħu fil-preżenza ta’ missierha li suppost kellu jieħu ħsiebha.
Il-qorti tal-appell qalet li dawn il-fatturi kollha ma setgħux ma jwasslux lill-qorti għas-sejbien ta’ ħtija. Qalet li għalkemm it-tfajla kellha għarfien tal-ħajja, kellha d-dirtt li ma tigix korrotta ulterjorment. Kien għalhekk li kkonfermat is-sentenza ta’ tmien snin ħabs waqt li ordnat id-divjett tal-ismijiet tal-persuni kollha involuti fil-każ.