Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà u Anzjanità Attiva fi stqarrija qal li l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul tiċħad katergorikament allegazzjonijiet dwar il-vacation leave u l-istudy leave.
Għall-kuntrarju, l-istatistika turi li 98% tal-vacation leave mitlub qed jiġi onorat, filwaqt li l-istudy leave jiġi onorat 100%. Irid jingħad li l-Gvern qiegħed ukoll jagħti boroż ta’ studju favur iktar żvilupp professjonali tal-ħaddiema.
Fl-istqarrija ntqal li l-fatti juru li l-Gvern u l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul jibbażaw it-tmexxija tagħhom fuq il-prinċipju fundamentali tal-governanza effettiva. Dan jassigura titjib kontinwu fil-kwalità tal-kura bħalma diġà ġie approvat mis-sistemi awditjarji fir-residenza.
Fl-aħħar tliet snin ġew ingaġġati 119-il infermier ġdid fir-residenza. Dejjem hemm bżonn li n-numru tal-infermiera jkompli jiżdied u l-amministrazzjoni ta’ SVPR qed jaħdem f’din id-direzzjoni bid-diffikultajiet kollha li jeżistu fis-suq tal-infermiera lokali.
L-Amministrazzjoni ħadet miżuri immedjati oħra skont riċerka li saret flimkien mal-MUMN. Fil-fatt f’Settembru 2016, l-amministrazzjoni ta’ SVP żiedet sostanzjalment in-numru ta’ care assistants fis-swali b’650 siegħa kuljum. B’hekk, l-infermiera għandhom aktar ħin jikkonċentraw fuq l-irwoli professjonali tagħhom.
Il-carers ingaġġati f’San Vinċenz huma kollha kwalifikati u jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju mis-sezzjoni tal-infermiera stess, b’tali mod li dawk biss li l-infermiera infushom jiddikjaraw kompetenti jiġu ingaġġati. Is-sorveljanza u t-taħriġ, kemm lill-infermiera u lill-carers, jingħataw flimkien b’mod regolari fiċ-Ċentru ta’ Taħriġ tar-residenza. Inqas minn 25% tal-500 carer huma ta’ nazzjonalità barranija.
L-Amministrazzjoni hija kommessa biex, bħal ma’ sar dejjem, titkompla l-kollaborazzjoni bejnha u l-Union.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana dejjem kienet u għadha disposta li tiltaqa’ u tiddiskuti s-soluzzjonijiet, u għalhekk se tkun qed tistieden lill-Union sabiex issir il-laqgħa mitluba.