Studju li wettaq id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika Ingliż juru li l-vaċċini tal-Pfizer u l-AstraZeneca kontra l-Coronavirus huma effettivi ħafna wkoll kontra l-varjant Indjan. Dan wara li l-persuni jitlaqqmu biż-żewġ dożi.
Iż-żewġ vaċċini huma 33% effettivi kontra l-varjant Indjan wara tliet ġimgħat li persuna tkun ħadet l-ewwel tilqima.
L-istudju xjentifiku jkompli juri wkoll l-effettività tal-vaċċini ġimagħtejn biss wara li l-persuni jkunu tlaqqmu biż-żewġ dożi; il-vaċċin tal-Pfizer huwa 88% effettiv, filwaqt li l-vaċċin tal-AstraZeneca huwa 60% effettiv kontra l-varjant Indjan.
Madankollu, id-dipartiment spjega li d-diskrepanza fl-effettività bejn iż-żewġ vaċċini hija possiblment riżultat tal-fatt li t-tilqim bl-AstraZeneca fir-Renju Unit beda aktar tard minn dak tal-Pfizer.
Dan l-istudju sar bejn il-5 ta’ April u s-16 ta’ Mejju fuq 12,675 każ ta’ sekwenza ġenomika, li 1,054 biss minnhom irriżultaw li kienu każijiet tal-varjant Indjan.