Studju Ewropew din il-ġimgħa żvela kif, mis-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hija l-pajjiż bl-inqas problemi soċjali meta jittieħed inkunsiderazzjoni kemm hemm familji ma jifilħux iħallsu għall-kontijiet ta’ servizzi essenzjali bħad-dawl, l-ilma, u l-gass fit-tliet xhur li jkun imiss.
Din ir-riċerka xjentifika saret mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u l-Impjieg, il-Eurofound.
Jirrapporta dwar dan il-ġurnal KullĦadd, li osserva li l-persentaġġ f’Malta ta’ min ma jiflaħx iħallas il-kontijiet, li hu 4 fil-mija tal-familji, hu mat-tliet darbiet iktar baxx mill-medja Ewropea, li hija 14 fil-mija. Huwa wkoll mal-għaxar darbiet iktar baxx minn dak li qed jesperjenzaw il-familji fil-Greċja, fejn 42 fil-mija ddikjaraw li mhux se jkunu kapaċi jfendu bil-kontijiet.
L-istudju Ewropew juri wkoll li Malta għandha t-tieni l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ familji li mhuma jsibu l-ebda diffikultà biex ikampaw b’tali kontijiet – rata ta’ 71 fil-mija.
Dan l-aħħar sar magħruf ukoll kif, fil-kriżi kbira attwali tal-enerġija b’riżultat tal-Gwerra fl-Ukrajna, pajjiżna kien l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropea li ma żiedx imqar ċenteżmu wieħed fuq l-ispejjeż tal-familji tiegħu fejn jidħol il-konsum tal-elettriku, tal-gass, u tal-ilma.
L-istħarriġ juri wkoll li, fejn jidħlu spejjeż inġenerali relatati ma’ akkomodazzjonijiet – li jiġbru lill-istess servizzi relatati mal-enerġija flimkien ma’ oħrajn, bħall-kirjiet jew ħlas ta’ dejn mal-bank bl-interessi, servizzi bħal drenaġġ jew ġbir ta’ skart, taxxi ta’ residenza u spejjeż ta’ manutenzjoni jew tiswija – il-familji Maltin ukoll raw l-inqas piżijiet u żidiet fl-Ewropa kollha bejn l-2010 u l-2019.
Għal akkomodazzjonijiet mixtrijin jew mikrijin f’pajjiżna nħallsu inqas minn nofs il-medja ta’ spejjeż simili fl-UE, avolja kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-proprjetajiet u l-kirjiet b’riżultat ta’ tkabbir turistiku u żieda fil-ħaddiema barranin.
L-istudju sab li, fl-aħħar diċennju, l-għadd ta’ persuni li kienu sidien ta’ djarhom naqsu fl-UE, bil-maqlub ta’ dak li seħħ f’Malta, li tgawdi wkoll minn waħda mill-ogħla rati Ewropej. Fil-fatt, bi 82 fil-mija tal-popolazzjoni li hi sid ta’ darha, Malta tiġi fit-tmien post fl-UE, b’persentaġġ ta’ 59 fil-mija tal-familji li wkoll iddikjaraw li ma fadlilhomx djun xi jħallsu lill-banek fuq is-self biex xtraw il-proprjetà tagħhom.