Studju tal-Aġenzija Ewropea għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien, il-Eurofound wera kif f’pajjiżna s-suq tax-xogħol huwa wieħed relattivament stabbli.
Dan jintwera b’mod partikolari fir-rata ta’ xogħol fuq bażi part-time li f’temp ta’ għaxar snin naqas b’mod drastiku minn 19.6% fl-2010, taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista għal 7.3% fl-2020.
Dawn iċ-ċifri, huma fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea jgħid dan l-istudju.
Dan minkejja li fuq bażi ġenerali l-ammont ta’ xogħol b’kuntratti temporanji naqas b’mod drastiku madwar l-Unjoni Ewropea kollha minħabba l-imxija tal-Covid-19, li wasslet biex għexieren t’eluf ta’ persuni madwar l-Ewropa jitilfu l-impjieg tagħhom.
Dan b’kuntrast għal pajjiżna, fejn bis-saħħa tal-għajnuna mogħtija mill-Gvern, primarjament dak tal-Wage Supplement u aktar tard anki bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils li mhux talli wasslu biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi iżda n-negozji wkoll reġgħu rkupraw b’rata aktar mgħaġġla, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħrajn fejn il-pandemija ħalliet effetti ħżiena.
L-istudju tal-Eurofound, intitolat ‘Promoting Social Cohesion and Convergence: Societal implications of labour market instability’ jagħti wkoll ħarsa lejn direzzjonijiet politiċi differenti meħuda mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiltà fis-suq tax-xogħol.
Dan l-istudju faħħar l-impenn tal-Gvern fir-rigward taċ-Ċensiment Nazzjonali tal-Ħiliet, fost miżuri oħrajn li ġew stabbiliti fil-Politika Nazzjonali għax-Xogħol.
Dan biex is-suq tax-xogħol ikompli jiżviluppa għal ġejjieni. L-istess studju innota wkoll l-inizjattivi tal-Gvern b’rabta mal-ġbir tat-taxxa.