L-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber b’mod b’saħħtu, fl-istess ritmu li kibret is-sena l-oħra. Dan ħareġ minn studju dwar l-ekonomija u l-qagħda finanzjarja lokali, li ġie ppreżentat mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Bank of Valletta l-Ġimgħa filgħodu. B’dan jagħti redikont lin-negozji għat-triq ’il quddiem.
Intqal li skont iċ-ċifri tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li r-rapport annwali tiegħu għall-2024 ħareġ fl-aħħar jiem, l-ekonomija f’pajjiżna se tibqa’ tikber bl-istess ritmu sa erba’ snin oħra. Differenti minn għadd ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej.
L-inflazzjoni wkoll se tibqa’ fl-istess livell, dan anke grazzi għall-miżuri mill-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela biex jilqa’ għall-kriżijiet internazzjonali, permezz ta’ sussidji multi-miljunarji għal prezzijiet stabbli tal-enerġija u bl-iskema ‘Stabbiltà’ fil-prodotti essenzjali tal-ikel.

Dwar dan ir-rapport tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia.
“L-aspettattiva hi li l-ekonomija tibqa’ miexja fuq l-istess pass, forsi b’mod aktar moderat mis-sena 2024, fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku. L-inflazzjoni tibqa’ fil-livell li qed nesperjenzaw u l-qgħad, jibqa’ fil-livell baxx li qed nesperjenzaw illum il-ġurnata.”
Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv, BOV

Dwar dan ikkummentat ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli.
“L-għan tagħha hu li jkunu jafu eżattament li qed jiġri, kemm fuq bażi lokali kif ukoll internazzjonali, ħalli d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu deċiżjonijiet li jkunu deċiżjonijiet tajbin. Bħala Kamra tal-Kummerċ, ir-rwol tagħna hu li konstantament ngħinu lin-negozji jkunu jistgħu jtejbu l-operat tagħhom u jsiru aktar effiċjenti.”
Martese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kummerċ