L-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, wettqet studju fost mijiet ta’ ħaddiema u min iħaddem biex tara kif jirreaġixxu f’każijiet fejn jidħol l-użu tas-sustanza.
L-istudju tmexxa minn Jareth Grima, Manager fis-Servizzi Preventivi, u Stephanie Mizzi Cascun, professjonista fil-qasam tal-prevenzjoni.
Tkellimna magħhom dwar dak li ħareġ mill-istudju li sar fost min iħaddem, li nkluda mistoqsijiet lil madwar tliet mitt persuna minn kumpaniji diversi.
Il-ħsieb wara dan l-istudju, li ġie ffinalizzat f’Ottubru, kien li l-Aġenzija Sedqa jkollha stampa ċara tal-attitudnijiet li jieħdu l-kumpaniji meta jkollhom impjegati li jagħmlu użu mis-sustanzi, u kif ukoll dwar kif jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu.
Qal, “Il-ħsieb kien li kemm jista’ jkun, bħala Sedqa, naraw l-attitudnijiet ta’ Senior Management fi ħdan substance misuse policies u l-politika fi ħdan numru ta’ employers differenti u kif huma mbagħad ħa jaddattaw ruħhom għal ċirkostanzi li jista’ jkun hemm ma’ impjegati varji, fejn jistgħu jagħtu s-sapport tagħhom, x’jista’ jgħinhom aħjar u x’jista’ jwassalhom biex jieħdu l-iktar azzjonijiet neċessarji.”
Minn dan l-istudju, mhux biss ħareġ li l-maġġoranza tal-kumpaniji m’għandhomx politika fejn jidħol l-użu tas-sustanzi mill-impjegati, imma anki li ma jafux x’għandhom jagħmlu biex joffrulhom l-għajnuna jew jipprevjenu li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Qalet, “Numru ta’ parteċipanti qalulna li fil-maġġoranza bħala kumpaniji ma jkollhomx politika fejn tidħol l-użu tas-sustanza. Jaslu mbagħad biex jagħmluha meta jiltaqgħu ma’ każijiet partikolari, kemm fl-użu tas-sustanzi u llum il-ġurnata wkoll logħob tal-azzard li jaqa’ taħt behavioural addictions. M’għandux ikun hekk però. Li għandhom jagħmlu huwa li l-politika ssir minn qabel, però qishom jiġu f’diffikultà x’għandhom jimplimentaw fiha.”
Issa li dan l-istudju ta stampa ċara tas-sitwazzjoni li teżisti f’dan ir-rigward fi ħdan il-kumpaniji f’Malta, il-pass li jmiss huwa li min iħaddem jiġi ggwidat aħjar fuq dan is-suġġett tant sensittiv, u dan se jsir b’għajnuna mill-Aġenzija Sedqa.
Qal, “Wara dan l-istudju, aħna nixtiequ li kemm jista’ jkun inkunu iktar preżenti mal-employers, jitħarrġu iktar l-impjegati u anki l-management fi ħdan dan l-istudju, li jagħmlu wkoll is-SAFE programme, li huwa programm ta’ taħriġ ta’ Sedqa għall-impjegati u għall-management fuq il-post tax-xogħol, li nagħmlu dan il-programm iktar tailor-made għall-esiġenzi ta’ kull kumpanija, u li nagħmlu politika li fiha nidentifikaw ir-riskji ta’ kull kumpanija u kull job filwaqt li nindirizzaw iktar sapport lill-impjegati li hemm hemm barra u kif jistgħu jaslu għall-għajnuna.”