Bejn Ottubru u Diċembru, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, se jkun qed imexxi eżerċizzju nazzjonali fost 130,000 persuna, biex ikollu stampa ċara tal-ħiliet u l-kwalifiki fost il-popolazzjoni li taħdem f’pajjiżna.
Id-Direttur Ġenerali tal-NSO, Etienne Caruana, spjega li l-għanijiet tal-proġett, li qed isir għall-ewwel darba fuq bażi nazzjonali, huma li tingħata stampa ċara tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi u jiġu elenkati l-ħiliet li hemm bżonn fid-dinja tax-xogħol. Fl-istess waqt, se tinġabar informazzjoni importanti għall-iżvilupp ta’ policies u għall-fini ta’ riċerka.
“Ħa ninkludu kemm dawk in-nies li qegħdin jaħdmu kif ukoll dawk in-nies li jew mhux qed jaħdmu bħalissa jew dawk li huma qiegħda biex il-policy makers, min irid jiddeċiedi ’l quddiem, jifhem l-iskills profile tal-workforce Maltija jsib bażi li minnha fil-futur nistgħu naraw il-pajjiż tagħna fejn qiegħed bħalissa u fejn jista’ jaspira li jkun u x’hemm bżonn ninvestu iktar fl-iskills tal-Maltin u tal-Għawdxin biex nilħqu dawn l-ambizzjonijiet.”
Il-130,000 individwu li ntgħażlu biex jieħdu sehem f’dan il-proġett huma nies li joqogħdu fi djar privati, għandhom bejn ħmistax u erbgħa u sittin sena, u jinkludu wkoll barranin li ilhom joqogħdu hawn Malta għal mill-inqas ħames snin.
Il-maġġoranza xorta huma Maltin – aktar minn mija u tlett elef persuna – filwaqt li kważi sebgħa u għoxrin elf oħra huma barranin.
Parteċipanti: 130,000
64,565 Raġel
65,435 Mara
103,062 Maltin
26,938 Barranin
Il-maġġoranza tal-parteċipanti għandhom bejn 35 sena u 45 sena, u l-informazzjoni se tinġabar b’mezzi differenti biex tingħata flessibilità lill-parteċipanti.
Fi kliem Etienne Caruana:
“Bħalissa qed nibagħtu lil dawk li ntagħżlu. Qed nibgħatulhom ittra u password li jistgħu jidħlu u jimlewh online però mill-10 t’Ottubru, ħa jkollna 450 interviewer li ħa jkunu qed iċemplu lin-nies randomly li ma mlewhx online biex jimlewh dak il-ħin.”
Inqas minn tliet ġimgħat ’il bogħod mit-tħabbira tal-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, spjega l-importanza li dak imfassal fil-baġits ikun ibbażat fuq ir-riċerka. Huwa qal li dan l-istudju għandu jsir eżerċizzju regolari matul is-sena kollha biex nużaw ir-riżorsi f’pajjiżna bl-aqwa mod.
“Jekk irridu tkabbir ekonomiku u żvilupp ekonomiku aħjar, dan biss jista’ jiġi jekk ikollna titjib fis-suq tax-xogħol u allura dan l-eżerċizzju li nedejna llum huwa mmirat sabiex niżguraw li l-Gvern ikollu biżżejjed informazzjoni ħalli jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fil-qasam tax-xogħol.”