Aktar minn 80% tal-persuni li bbenfikaw mill-iskema tat-tapering tal-benefiċċji, ma reġgħux rritornaw fuq il-benefiċċji soċjali biex b’hekk illum, meta mqabbel mal-2013, pajjiżna għandu 90% inqas persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie kwotat studju minn ekonomista tal-Bank Ċentrali.
Dan l-istudju mis-Sur Kurt Sant, iffoka fuq l-effetti tal-iskema tat-tapering tal-benefiċċji li daħlet fis-seħħ fl-2014 u li permezz tagħha, aktar nies ġew inkoraġġuti jsibu impjieg.
Dan mingħajr ma jintilfulhom mill-ewwel il-benefiċċji li kienu ntitolati għalihom.
“It-tapering of benefits li tagħmel, jekk inti ssib xogħol, mhux biss se tirċievi l-paga, iżda fl-ewwel sena ħa tirċievi 65% tal-benefiċċju, fit-tieni sena se tirċievi 45% u fit-tielet sena tirċieve 25%, jiġifieri għandek 3 snin fejn over and above il-paga tiegħek, se tirċievi dawn il-benefiċċji u li naraw hawnekk huwa li dan it-tapering of benefits ta imbuttatura ‘l quddiem lil din il-fazzjoni tas-soċjetà u naraw li rduppjat iċ-ċans li dawn jidħlu fil-post tax-xogħol.”
Fil-fatt, fl-istudju tiegħu, is-Sur Kurt Sant spjega kif fl-ewwel sena tal-iskema madwar 500 persuna bbenefikaw minn dan l-inċentiv. L-għadd tagħhom kompla jikber fis-snin ta’ wara sakemm laħaq l-ogħla livell fl-2017 b’2,600 benefiċjarju.
Huwa kompla jgħid kif dan kien kruċjali biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol b’riżultat li llum il-pajjiż għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Sant spjega wkoll kif l-aktar li gawdew minn din l-iskema kienu ġenituri weħidhom mhux miżżewġa.
Dan hekk kif il-probabbiltà li dawn isibu impjieg permezz ta’ din l-iskema telgħet b’130%. Dan filwaqt li l-probabbiltà għal dawk li kienu qed jieħdu assistenza għax kienu bla xogħol, telgħet 95%. Għal dawk li kienu fuq l-assistenza soċjali din telgħet b’70%.
Ma’ ONE News, Sant spjega wkoll kif l-Għawdxin gawdew sew minn din l-iskema.
“L-Għawdxin gawdew ħafna iżjed mill-Maltin u naraw ukoll li s-self employed li jaħdmu għal rashom ibbenefikaw ukoll biex tagħtihom imbuttatura li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol bħala self employed.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon fl-indirizz tiegħu sostna l-effettività ta’ din il-miżura anke għall-fatt li maġġoranza assoluta ta’ dawk li bbenefikaw minn din l-iskema ma’ reġgħux saru dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.
“Iktar minn 80% minnhom ma reġgħux marru fuq il-benfiċċji soċjali, jiġifieri inti għandek suċċess għoli ħafna bħalma huwa wkoll il-fatt li llum in-nies li qegħdin jiddependu fuq il-benefiċċju tal-qgħad, illum naqas b’90%, huwa biss 10% ta’ dak li sab Gvern Laburista.”
Il-Ministru Falzon temm jgħid li l-Gvern kien u se jibqa sensittiv sabiex jifhem u jindirizza r-realtajiet tan-nies. B’hekk se jibqa’ kommess sabiex jsaħħaħ is-suq tax-xogħol, illi joffri opportunitajiet aħjar u fuq kollox iżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.