Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, in-numru ta’ turisti li ġew fl-istess perjodu fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan ħareġ fi studju ppubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, waqt konferenza li saret il-Ħamis waranofsinhar.
Hawnhekk ħareġ li f’dan il-perjodu ta’ tliet xhur, in-numru ta’ turisti li ġew kienu ta’ aktar minn 840,000 persuna. Dan l-ammont jaqbeż l-ammont ta’ turisti li ġew f’Malta fl-2019, bi kważi 59,000 persuna.
Dan filwaqt li l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna, f’dan il-perjodu msemmi, kien hemm żieda 90,000 lejl, meta mqabbel mat-tieni kwart tal-2019.
Minn dan l-istudju ħareġ ukoll li n-nefqa tat-turisti f’Malta, fit-tieni kwart tas-sena, mistennija tilħaq s-€663 miljun, li jfisser żieda ta’ 9%, meta mqabbel mal-2019.
Dan filwaqt li anki l-okkupanza f’lukandi ta’ bejn it-tlett u l-ħames stilel, f’dan il-perjodu, huwa aqwa mill-ammont ta’ erba’ snin ilu.
B’dan l-istudju kkummissjonat mill-MHRA juri l-irkupru b’saħħtu li qed jagħmel pajjiżna mill-pandemija, li tat daqqa lil dan is-settur, waqt li ċ-ċifri ta’ din is-sena, huma aktar b’saħħithom minn dawk tal-2019 – is-sena rekord għat-turiżmu f’pajjiżna.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li l-industrija hija waħda reżiljenti, bir-riżultati maħruġa minn dan l-istudju. Qal li issa l-isfida hija li s-settur ikun sostenibbli biex jindirizza l-isfidi tal-futur.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia qal li pajjiżna kellu rkupru b’saħħtu mis-sena wara l-pandemija li laqtet ħażin lis-settur turistiku.
Qal li din is-sena, pajjiżna qed jirkupra u li għandu numri aktar b’saħħithom mill-2019 – is-sena li pajjiżna laħaq rekord f’dan is-settur.