Il-maġġoranza taċ-ċittadini li joqogħdu fir-Reġjun Lvant huma sodisfatti bil-lokalità fejn jgħixu. Dan ħareġ minn studju tal-Università ta’ Malta, ikkumissjonat mir-Reġjun Lvant b’fondi mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
F’dan l-istħarriġ ħadu sehem erba’ mija u disa’ persuni li ġejjin mit-tnax-il lokalità, bil-maġġoranza tagħhom huma postijiet turistiċi, li jagħmlu parti minn dan ir-reġjun.
Skont l-aħħar ċensiment, li ħareġ fl-2021, f’dawn it-tnax-il lokalità fin-naħa ta’ fuq tal-portijiet jgħixu aktar minn mija u ħmistax-il elf persuna.
Hawnhek ħareġ kif aktar minn sitta u erbgħin fil-mija taċ-ċittadini qalu li huma sodisfatti. Dan filwaqt li kwart ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ wieġbu li la huma sodisfatti u lanqas li mhumiex.
Minn dan l-istudju ħareġ li ċ-ċittadini ma jafux rigward ix-xogħol li jagħmel ir-reġjun, bil-maġġoranza tagħhom jgħidu li jridu jkunu jafu aktar dwar il-ħidma tiegħu. Fost l-isfidi li ssemmew iċ-ċittadini kien hemm dik ta’ nuqqas ta’ parkeġġ.
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-istudju kien hemm il-President tar-Reġjun Lvant, Anthony Chircop, uffiċjali mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u sindki tal-lokalitajiet involuti.