Malta għamlet l-akbar qabża f’perjodu ta’ għaxar snin fil-qalba tal-enerġija rinovabbli, kif stabbilit mill-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda sal-2030.
Dawn il-miri tal-Ġnus Magħquda jistabbilixxu li l-pajjiżi għandhom itejbu l-aċċess għall-enerġija nadifa u affordabbli.
Dan l-istudju li sar minn riċerkaturi Ewropew, sabu li fil-perjodu bejn l-2010 u l-2021, pajjiżna li kien sew fl-aħħar post qabeż żewġ pajjiżi.
Din l-akbar qabża li kellu f’pajjiżna fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea ġiet irreġistrata fost oħrajn minħabba li Gvern Laburista waqqaf il-powerstation li taħdem bil-heavy-fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes għal gas.
Minn dan l-istudju ħareġ li l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Estonja u l-Awstrija, huma l-aktar li jinsabu qrib li jilħqu dawn il-miri sal-2030.
Dan l-istudju jingħaqad ma’ dak tal-EUROSTAT, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fejn ħareġ li pajjiżna kellu l-akbar żieda mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli biex id-djar u n-negozji jissaħħnu jew jitkessħu.
Minkejja li pajjiżna għad baqalu biex jilħaq din il-mira sa sitt snin oħra, bil-progress li sar fl-aħħar snin, jidher li pajjiżna se jilħaq dawn il-miri importanti.
Dan hekk kif bħalissa l-Gvern għaddej b’konsultazzjoni dwar proġetti ta’ pannelli fotovoltajiċi f’wiċċ il-baħar, għall-proġetti ta’ enerġija nadifa.