Riċerka ġdida mill-kumpanija BOXT żvela li r-Renju Unit għandu l-ogħla kontijiet tad-dawl. B’dan ifisser li l-poplu Brittaniku qed iħallas l-aktar għall-konsum tal-elettriku minn kull poplu ieħor madwar id-dinja.
F’dan l-istudju, il-kumpanija internazzjonali ta ħarsa lejn il-prezzijiet tal-elettriku u l-gass f’24 pajjiż minn madwar id-dinja f’dawn l-aħħar ħames snin.
F’din ir-riċerka ħareġ ukoll li l-miżura tal-Gvern Ingliż li għamel limitu fil-prezz tal-enerġija, żdied il-prezz minn 32 ċentenżmu għal 39 ċentenżmu għal kull KiloWatt fis-siegħa.
L-istudju nnota wkoll li fil-maġġornaza tal-pajjiż madwar id-dinja, il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu minħabba n-nuqqas ta’ provvista mir-Russja minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u l-effetti tal-pandemija.
Wara r-Renju Unit, bl-ogħla kontijiet tad-dawl hemm ukoll l-Irlanda, Spanja u l-Belġju.
Is-sitwazzjoni f’Malta hija waħda differenti, hekk kif minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, il-Gvern Malti żamm il-prezzijiet stabbli tal-enerġija għal familji u n-negozji.
Dan se jkompli s-sena d-dieħla wkoll, hekk kif fil-budget tħabbar li l-Gvern se jinvesti madwar €600 miljun sabiex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli.