Studju dwar l-impatt tal-imxija saħaq dwar l-importanza li jintlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Dan hekk kif jekk wieħed ma jilħaqx dan il-bilanċ, ir-riperkussjonijiet fuq is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna fost l-oħrajn jistgħu ikunu devastanti.
ONE NEWS tkellem mal-Professur Victor Grech li kellu sehem qawwi f’dan l-istudju. Huwa spjega kif wieħed ma jistax jagħlaq lin-nies ġewwa u jwaqqaf l-ekonomija hekk kif dan iħalli impatt negattiv fuq is-saħħa wkoll.
Madankollu huwa kien ċar fi kliemu u qal li wieħed irid jimxi mal-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa u jimxi b’kawtela.
Huwa qal: “Il-bilanċ huwa bejn dan jegħreq u dan ma naffordjawhx, irridu nsibu t-triq tan-nofs. U dik il-paper, dik li tispjega li semmew dalgħodu fil-gazzetti. Illi huwa kruċjali li jkun hemm xi forma ta’ bilanċ bejn ngħollu ftit ir-restrictions biex iddur ir-rota u ma jkollniex ħafna każijiet ta’ Covid.”
L-istudju jagħraf li mhux minnu li l-pandemija ma tiddiskriminax fl-effetti tagħha hekk kif filwaqt li l-virus jista’ jaqbad lil kulħadd, il-familji bi dħul baxx huma xorta waħda l-iktar li jistgħu ibatu mill-effetti tal-pandemija.
L-istudju jinnota kif il-miżuri li jkunu addotati kontra l-imxija, iridu jkunu miżuri bilanċjati u li ma jħallux impatti kbar wisq fuq l-ekonomija. Dan filwaqt li l-infurzar tal-miżuri addottati irid ikun b’saħħtu. Dan hekk kif, kull persuna li tkun infettata hija ta’ piż finanzjarju wkoll u għalhekk mhux aċċettabbli li persuna xxerred il-virus għax ma tobdix il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Prof. Grech sostna: “Kull bniedem li jinfetta xi ‘cluster’, barra l-iswabs li rridu nagħmlu biex naqbdu dal-cluster, l-ammont ta’ spejjeż li jintefqu meta xi ħadd jidħol ġo dan l-isptar minħabba l-Covid, mela f’dan il-każ qed jiskapriċċani dak li jkun hux veru. Kapriċċ dan, tinfetta n-nies għalxejn, dawn huma kollha spejjeż li rridu nħallsu għalihom aħna mit-taxxi tagħna. Jiġifieri importanti noqogħdu attenti l-aħwa, ir-restrictions irridu nobduhom.”