Studju, li sar mill-ekonomista tal-Bank Ċentrali, Kurt Sant, jindika li r-riformi, li saru fl-aħħar snin, wasslu biex madwar 40,000 familja li jgħixu fuq il-pensjoni raw żidiet sostanzjali fid-dħul disponibbli tagħhom.
L-aktar notevoli kienu r-riformi, li ddaħħlu mill-Gvern Laburista fl-2017 u fl-2022, fejn issa l-pensjoni tal-istat hi eżentata mit-taxxa.
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali sab li, filwaqt li fl-2022, bħala medja, dawn il-miżuri fissru titjib medju ta’ €328 għall-pensjonanti, sal-2027 dan it-titjib mistenni jitla’ għal €560, jew kważi €11 fil-ġimgħa.
Dan sar ukoll wara li l-pensjonanti gawdew mill-aqwa żidiet fil-pensjoni, li qatt ingħataw, waqt li saru eliġibbli għall-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, kif ukoll dak tal-bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni u għall-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom.
Fl-analiżi tiegħu dwar il-miżuri u diskorsi tal-baġits, jirriżulta kif, fl-aħħar ħames baġits, kien hemm 210 referenza għall-pensjonijiet jew medja ta’ 42 kull diskors, tliet darbiet u nofs l-ammont ta’ drabi li kienu jissemmew il-pensjonijiet fil-baġits taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Sant innota wkoll kif l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-pensjonijiet swiet lill-Gvern madwar €50 miljun f’taxxi mhux miġbura u li, sal-2027, dan l-ammont se jiżdied għal aktar minn €64 miljun.
Semma li, madankollu, minħabba r-rata ta’ tkabbir ekonomiku sostnut ta’ pajjiżna, is-sostenibilità tal-miżura kien assigurat għax baqgħet tiswa 0.2% tal-ġid nazzjonali, minkejja li żdied sew l-ammont.
L-istudju jinnota kif din il-miżura għenet biex ikun hemm aktar ugwaljanza fid-dħul, mentri l-ħaddiema raw żidiet akbar fid-dħul wara diversi żidiet fil-pagi u l-pensjonijiet, fejn għalkemm dawn il-ħaddiema ħallsu parti minn dan id-dħul f’taxxa, il-pensjonanti żammew iż-żieda kollha li kellhom.
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali indika wkoll li, b’dawn il-miżuri, ir-rata ta’ pensjonanti f’riskju ta’ faqar tnaqqset b’1.5% fl-2023, li jfisser li din il-miżura ħarġet minn sitwazzjoni ta’ riskju ta’ faqar lil madwar wieħed minn kull għoxrin pensjonant jew lil madwar 1,500 pensjonant.
Sant ikkonkluda li din il-miżura hi ffokata ħafna fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti u kienet ferm effettiva, mingħajr ma kienet wisq ta’ piż għall-finanzi pubbliċi.