75% ta’ dawk li japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali huma nisa.
Din iċ-ċifra ġiet imħabbra f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif l-Awtorità tad-Djar ippubblikat l-ewwel studju li janalizza l-profil tal-applikanti għall-Housing Soċjali bil-għan li jiġu stabbiliti r-raġunjiet għaliex il-persuni jirrikorru għall-akkomodazzjoni soċjali.
Fil-fatt, fi studju kwantitattiv li wettaq, l-istatistiku awtorevoli Dr Vincent Marmara, spjega kif dan l-istudju sar fuq medda ta’ madwar sentejn u involva 2,030 persuna.
Madwar 54% tal-applikanti jgħoddu bejn is-26 u l-45 sena.
Huwa fissrilna: “L-etajiet li l-aktar għandek applikanti għandek dawk ta’ bejn 26 u 45 sena. Hemmhekk huwa fejn l-aktar għandek applikanti li qed japplikaw għal post alternattiv imbagħad wieħed jara li għandek madwar 2 minn kull 3 li huma single parents u dawn ovvjament jibdew jagħtu ftit aktar veduti tas-sitwazzjoni ta’ min qed japplika għal post alternattiv.”
Fil-fatt, dawk bejn it-18 u l-25 sena li jfittxu housing soċjali jammontaw għal 11.3%. 25.5% għandhom bejn 46 u 65 sena u dawk ta’ aktar minn 66 sena jammontaw għal 9%.
Minn fost l-applikanti kollha, 39% huma bla impjieg, madwar 29% għandhom impjieg full-time u madwar 10% impjieg part-time.
50.6% ta’ dawk li jfittxu akkomodazzjoni soċjali mhumiex miżżewġa filwaqt li 27% huma separati jew divorzjati.
Il-maġġoranza, jiġifieri 63.5% huma wkoll ġenituri li jrabbu waħedhom.
Minn fost il-parteċipanti kollha ta’ dan l-istudju, id-dħul medju tagħhom huwa ta’ €755 fix-xahar, filwaqt li fost dawk li qegħdin jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali biss għandhom madwar €530 fix-xahar.
Minn naħa tagħha s-Soċjologa Dr Maria Brown, li ħadet ħsieb il-parti kwalitattiva ta’ dan l-istudju spjegat kif deher ċar li hemm applikanti li jikkunsidraw alternattivi għal ‘post tal-gvern’ kif jinftiehem tradizzjonalment.
Qalet kif id-diversità u t-transizzjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju jixirqilhom li r-riċerka tkompli lil hinn minn ċikli elettorali
Dr Brown stqarret: “Li huwa żgur hu il mir-riżultati naraw kemm hemm bżonn ħidma interministerjali u ħidma li tmur lil hinn miċ-ċikli elettorali jiġifieri jinbidel jew ma jinbidilx il-Gvern ma hijiex importanti għal dawn in-nies sabiex jiġu finanzjarjament awtonomi, il-ħidma trid tibqa’ għaddejja magħhom u lil hinn milli ttihom ċavetta.”
Min-naħa tiegħu l-Minisru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif dan l-istudju qiegħed iservi ta’ gwida indispensabbli li qed tassigura li kull deċiżjoni li tittieħed tkun waħda infurmata.
Huwa qal, “Jien li rrid nikreja hija sitwazzjoni fejn li mhux sempliċiment il-politiku jippjana fl-għama imma jkollok inti sitwazzjoni fejn il-politiku jaġġorna ruħu mir-riċerka li għandu.”
Fid-diskors tal-għeluq, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tkellem dwar kif ir-riċerka saret l-id il-leminija tal-Awtorità hekk kif nebbħet fost oħrajn it-tfassil tal-proġetti ta’ blokok ġodda ta’ housing soċjali li n-numru ta’ kmamar tagħhom ġie bbażat fuq ir-riżultati tal-profil tal-applikanti.