Skont studju internazzjonali, li għadu kemm ġie ppubblikat, l-anzjani f’pajjiżna huma fost l-aktar kuntenti fid-dinja. Dan hekk kif hu biss fi 30 pajjiż ieħor madwar id-dinja fejn l-anzjani għandhom livell ta’ kuntentizza aqwa minn dak f’pajjiżna.
L-istudju bit-titlu ‘World Happiness Report’ hu mħejji mill-aġenzija Sustainable Development Solutions Network tal-Ġnus Magħquda, il-kumpanija rinomata ta’ stħarriġ pubbliku Gallup u ċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Benesseri fl-Università ta’ Oxford fl-Ingilterra.
L-istħarriġ xjentifiku jkopri 143 pajjiż minn madwar id-dinja, inkluż Malta.
Hu biss f’disa’ pajjiżi taż-Żona Ewro fejn l-anzjani huma aktar kuntenti minn dawk f’pajjiżna. Il-pajjiż fejn l-anzjani huma l-aktar kuntenti hu d-Danimarka, b’livell ta’ 7.9 minn 10. F’pajjiżna, il-livell ta’ kuntentizza tal-anzjani hu ta’ 6.4 minn 10, li hu ogħla minn dak f’pajjiżi ġirien bħall-Italja, li rreġistra 6.1, f’Ċipru b’5.7 u fil-Ġreċja b’5.5 minn 10.
L-inqas anzjani kuntenti fid-dinja huma dawk fl-Afghanistan, b’livell ta’ 1.5 minn 10. Filfatt hemm 60 pajjiż fid-dinja fejn il-livell ta’ kuntentizza huwa inqas minn 5 minn 10, li jfisser li l-anzjani mhumiex kuntenti.
Ta’ min jinnota li, skont ir-rapport, il-livell ta’ kuntentizza tal-anzjani Maltin kiber sostanzjalment maż-żmien, grazzi wkoll għal titjib fil-livell tal-għajxien tagħhom, inkluż bl-investimenti kontinwi fit-tisħiħ tal-pensjonijiet.
Fl-2008, il-livell kien ta’ madwar 6 minn 10, liema livell inżamm fl-2013. Minn dakinhar, kien hemm titjib ta’ kważi 10%.
B’mod globali, il-Maltin huma fl-40 post fejn tidħol il-klassifika tal-kuntentizza. Fl-aħħar diċenju kien hemm 75 pajjiż fejn żdiedet il-kuntentizza u Malta kienet wieħed minnhom.
Fil-fatt il-livell żdied b’0.4 meta mqabbel ma’ dak li kien taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista meta l-livell ta’ kuntentizza kien ta’ inqas minn 6 minn 10, jew kważi 8% inqas mil-lum.
Iż-żgħażagħ ta’ pajjiżna għandhom livell ta’ kuntentizza li hu marġinalment akbar minn dak tal-anzjani f’pajjiżna, f’livell ta’ 6.5 minn 10. L-aktar żgħażagħ kuntenti huma dawk fil-Litwanja b’livell ta’ 7.8 minn 10.
L-inqas grupp kuntent huma il-Maltin ta’ bejn il-45 u s-60 sena, b’6.2 minn 10, mentri dawk ta’ bejn it-30 u l-44 sena għandhom livell ta’ kuntentizza kważi bħal dak taż-żgħażagħ.
Għal dawk bejn it-30 u s-60 sena, l-aktar kuntenti fid-dinja, skont dan l-istudju, huma l-Finlandizi, b’livell ta’ 7.8 minn 10.