Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom assi li jlaħħqu għal €312,000, li hu ekwivalenti għal iżjed mid-doppju tal-medja fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro ta’ €158,000.
Din il-qagħda tajba ħafna tal-familji lokali tirriżulta wkoll mill-fatt li r-rata ta’ dawk jaħdmu f’pajjiżna hi ta’ 60%, li hi ferm aktar ogħla mill-medja Ewropea ta’ 49%.
Dan kollu joħroġ minn studju li għadu kemm twettaq mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, flimkien ma’ banek simili fil-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Jirriżulta li l-proporzjon ta’ familji li huma sidien ta’ djarhom hu ta’ 79% f’pajjiżna, kontra inqas minn 62% fiż-Żona Ewro. Anke l-valur tal-proprjetajiet hu fost l-ogħla fostna, bil-familji fil-Lussemburgu biss li għandhom residenzi b’valur ogħla.
Il-familji Maltin u Għawdxin, imbagħad, għandhom is-sitt l-ogħla ammont ta’ assi finanzjarji b’medja ta’ kważi €17,000, għalkemm l-istudju tal-Bank Ċentrali juri li l-familji f’pajjiżna għandhom l-ogħla livell ta’ likwidità meta wieħed iqabbel l-assi finanzjarji mad-djun.
L-istudju internazzjonali jindika wkoll li l-inugwaljanza fl-assi kapitali f’pajjiżna hi fost l-inqas fl-Ewropa tant li hi t-tielet l-inqas.
Minbarra hekk ir-rapport janalizza l-infieq tal-familji fuq¬ l-enerġija, fejn il-Maltin għandhom it-tielet l-inqas spiża fiż-Żona Ewro, b’riżultat tal-miżura tal-Gvern li baqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, li jinkludu l-elettriku, il-gass u l-fuels.
Dan wassal ukoll biex madwar 37% tal-familji, li għandhom l-inqas dħul, kienu f’qagħda li jfaddlu, rata li hi ferm aħjar minn dik fil-pajjiżi l-oħrajn taħt osservazzjoni.