Il-Budget preżentat din il-ġimgħa kompla jtella’ l-ambjent fil-kuntest wiesa’ tiegħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż bi pjan fit-tul li jinfatam minn skadenzi u ċikli elettorali.
Dan sostnieh il-Ministru Aaron Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Fi Triq Sant Anna fil-Furjana l-Ministru għall-Ambjent rrimarka li wara l-istudji ġeoloġiċi issa l-Gvern se jimxi għal studji tal-impatt fuq it-traffiku, studji strutturali u arkeoloġiċi, biex din l-arterja traffikuża tinbidel fi ġnien li jibqa’ sejjer sal-Belt.
L-istudji dwar it-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera jinsabu għaddejin ukoll bil-Gvern qed jesplora wkoll il-possibiltà li f’dan il-proġett il-Gvern jissieħeb mal-privat.
Qal, “Miżuri li huma costed u li se jitwettqu u jwassal lil pajjiż biex jingħaqad mal-aqwa pajjiżi fuq livell Ewropew. Qed nitkellmu dwar l-immaniġjar tal-iskart, l-iskadenzi fuq tibdil fil-klima, t-tħaddir fl-urban u indirizzajna l-ippjanar li huma kontroversjali u b’hekk tajna l-inċentivi biex first time buyers u nies li se jixtru propjeta imorru lejn żoni bħal ma huma fil-qalba tar-raħal.”
Dan il-Budget kompla jindirizza wkoll is-settur tal-kostruzzjoni.
Hawn is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Kostruzzjoni Chris Agius qal li din is-sena dan is-settur rreġistra rekord ieħor ta’ kuntratti fuq xiri ta’ propjetà, bil-valur totali ta’ xiri qabeż il-mitejn u sittin miljun.
Spjega, “Matul din is-sena twaqqfet l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni u f’dan il-Budget qed naraw li intuha fondi ta’ €9 miljun biex tkompli ttejjeb u tirregola dan is-settur u nkomplu nħarsuh.”