36,000 student tal-Primarja f’Malta u Għawdex ser ikunu qed jiġu eżaminati b’xejn għall-kundizzjoni tal-ċeliaka bil-għan li jiġi evitat l-eżami invażiv tal-endoskopija.
Il-kundizzjoni taċ-ċeliaka hija dik fejn il-ġisem ma jkunx jaqbel mal-qamħ.
L-eżami invażi jinkludi t-teħid ta’ biċċa mill-musrana għal iktar testijiet iżda Dr. Christopher Barbara spjegalna kif dan l-istudju konġunt bejn Malta u Sqallija se jkun jista’ jevita dan billi se jmorru l-infermiera fl-iskejjel u jistaqsu għadd ta’ domandi fost l-oħrajn.
Dr. Barbara stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Se nistaqsu domandi lill-ġenituri tat-tfal jekk għandhomx xi sintomi eċċ tajjeb minn hemmhekk naraw li jekk b’dan flimkien mat-test tad-demm ikunx biżżejjed li tasal għad-dijanjosi mingħajr ma tagħmel l-endoskopija u tiffranka proċedura.”
Dr. Barbara spjega dan kollu waqt ċerimonja fejn fiha ngħataw ċertifikati għall-proġetti li twettqu b’suċċess permezz ta’ fondi Ewropej. Fil-fatt spjega kif dan l-istudju qed isir grazzi għal finanzjament ta’ ftit inqas minn nofs miljun ewro.
Preżenti għall-għotja ta’ dawn iċ-ċertifikati kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr. Aaron Farrugia li saħaq kif dawn it-tip ta’ proġetti huma ta’ importanza kbira għall-pajjiżna hekk kif permezz tagħhom inkunu nistgħu naddottaw sistemi u skemi li ħadmu f’pajjiżi oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, sostna: “Dan il-programm se jgħin lill-Malta fit-transizzjoni ekoloġika tagħna għaliex Malta bħalissa anke bil-Budget li ppreżentajna deħlin f’era ta’ transizzjoni ekoloġika, fosthom ħa nneħħu s-single use plastics, il-qalba għall-karozzi elettriċi u ħafna miżuri oħra imma dawn huma affarijiet li ħafna pajjiżi oħra għaddew minnhom u hekk allura dan il-programm se jgħinna b’fondi Ewropej biex nieħdu l-aħjar minn dawn il-pajjiżi biex ngħaddu minn dak li għaddew minnhom f’qasir żmien.”
Dr.Farrugia tkellem ukoll dwar il-Budget Ewropew 2021-2027.
Huwa qal li l-Gvern irid ftehim sal-aħħar ta’ din is-sena u li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ma jiġux ssagrifikat minħabba l-vojt għall-fondi li se jħalli Brexit.