L-Awtorità Maltija għat-turiżmu qed jiffinanzja reviżjoni tas-settur tal-Ivvjaġġar b’relazzjoni mal-lingwa Ingliża b’kollaborazzjoni ma’ FELTOM. Ir-reviżjoni se tagħti rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ is-settur u jiġu ndirizzati sfidi ġodda.
Il-Federazzjoni tat-Tagħlim tal-lingwa Ingliża f’Malta se tara x’inhi attwalment il-pożizzjoni ta’ din l-industrija f’pajjiżna u x’hemm bżonn isir għall-futur. Wara 30 sena din l-industrija stabilixxiet ruħha bħala waħda mill-iżjed importanti fis-settur tat-turiżmu u għalhekk hemm il-ħtieġa li jitjieb is-servizz biex jitkompla jinbena s-suċċess.
Skond figuri uffiċjali, din l-industrija tikkontribwixxi għal 3.9 fil-mija tat-turiżmu, 10.7 fil-mija tal-iljieli li jgħaddu f’pajjiżna u 8.1 fil-mija tan-nefqa annwali.
Il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi semma kif dan is-suċċess jirrifletti wkoll is-sinerġija li hemm bejn is-settur turistiku u dak edukattiv. Permezz ta’ dan l-iffinanzjar, il-Ministeru għat-turiżmu qed juri l-impenn tiegħu għat-tagħlim tal-Ingliż f’pajjiżna għall-barranin.
Kompla jsostni dan ic-Chariman tal-MTA Dr. Gavin Gulia li nnota li dan is-settur huwa niċċa importanti speċjalment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa fejn din tkun għalihom l-ewwel esperjenza tal-gżejjer tagħna fejn anke jkun hemm il-possibbilità li jerġgħu jirritornaw ‘il quddiem mal-familji jew sħabhom.
James Perry li huwa s-CEO tal-FELTOM qal li flimkien ma’ Deloitte, Feltom ilha ssegwi din l-industrija għal dawn l-aħħar 8 snin permezz ta’ analiżi profonda iżjed minn dak li jsir mill-NSO fejn kompla jintwera it-tkabbir ta’ din l-industrija. Madanakollu l-provvista tal-akkomodazzjoni hija fattur li trid tiġi msaħħa. Qal ukoll li hemm il-ħtieġa li jsir pjan ta’ azzjoni għall-futur biex dan kollu jibqa’ jissaħħaħ.