Beda proċess ta’ studju li f’sitt xhur mistenni jwassal għat-tfassil tat-triq ’il quddiem sabiex pajjiżna jkollu servizz pubbliku b’vetturi elettriċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ffirmat ftehim għal dan il-għan, is-Segretarju Permanenti mill-Ministeru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli, Anthony Gatt spjega kif ser ikun imqassam dan l-istudju fuq is-sitt xhur li ġejjin.
Qal, “Għandek l-ewwel attività li ser issir fl-ewwel 4 xhur li ser tkun qed tieħu ritratt ħolistiku tas-sitwazzjoni ta’ dak li għandu x’jaqsam ma’ trasport ġenerali fis-servizz pubbliku kollu. It-tieni attività imbgħad ser tkun qed tħares lejn dak li hemm hemm barra. Sabiex ikollna opportunità biex nagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija kif ukoll fl-immaniġjar fit-tħaddim bl-AI tal-istess trasport.”
Spjega kif imbagħad l-aħħar pass tal-istudju ser ikun l-assessjar tas-suq tal-karozzi elettriċi sabiex ikun stabbilit dak li l-aktar jagħmel sens għas-servizz pubbliku f’pajjiżna.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar spjega kif din il-bidla għal-karozzi iżjed sostenibbli hija waħda strateġika li permezz tagħha ser jintlaqtu ħafna għanijiet.
Spjega kif is-servizz pubbliku diġà qed jikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-użu tal-karozzi permezz tal-one stop shops u r-remote working.
Huwa nnota kif minn 870 karozza eżistenti tal-Gvern madwar 60 minnhom huma elettriċi jew hybrid.
Dan ifisser li r-rata diġà taqbeż il-medja nazzjonali ta’ 2%.
Spjega, “It-tħejjijiet diġà bdew pero hawnhekk għamilna l-bażi li fuqha ser inkunu mhux biss qed intejbu l-operat ta’ kif naħdmu imma naqilbu wkoll il-vetturi għall-vetturi elettriċi u anke naraw bl-iktar mod effiċjenti kif nistgħu nħaddmu l-istess vetturi tagħna.”