Skont iċ-Ċentru Internazzjonali kontra t-Terroriżmu (ICCT) f’The Hague, diversi mkejjen uffiċjali kkonfrmaw li ma hemm xejn x’juri li hemm Maltin jiġġieldu għall-militanti tal-Istat Iżlamiku, l-ISIS.
Rapport dettaljat tal-ICCT dwar in-numru tal-hekk imsejjħa “foreign fighters” mal-ISIS, juri li hemm bejn 3,922 u 4,294 ċittadin tal-pajjżi membri tal-UE li marru s-Sirja u l-Iraq biex jingħaqdu mal-ISIS.
Il-maġġoranza – 2,833 – huma minn erba’ pajjiżi: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.
Ċensiment li għamel iċ-ċentru, f’isem il-gvern Olandiż li bħalissa għandu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea, jgħid li minn dawn il-ġellieda, 14% huma konfermati li mietu. Bejn 6% u 23% huma nies li qalbu għall-Iżlam. 17% huma nisa.