Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Protezzjoni tat-Tfal minn kull tip ta’ abbuż sesswali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, nieda l-ewwel fażi tal-istudju mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, fuq l-impatt li t-teknoloġija qed tħalli fuq it-tfal.
Waqt it-tnedija, il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, tkellmet dwar l-opportunitajiet li t-teknoloġija toffri kif ukoll ir-riskji mill-użu ħażin tagħha.
Il-Viċi Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Dr Roberta Attard, ippreżentat ir-riżultati tal-ewwel fażi tal-istudju li jixhdu l-influwenza profonda li l-għodod diġitali għandhom fuq l-iżvilupp tat-tfal.
Il-Ministru responsabbli Michael Falzon stqarr li l-Gvern se jkompli jħejji policies imsejsin fuq studji, bħal dak li qed isir u li mistenni jintemm fl-2025.

