Studju lokali li sar fost erba’ mitt persuna ta’ bejn il-ħmistax u l-ħamsin sena, wera li hawn għarfien ġenerali pjuttost b’saħħtu fuq kundizzjonijiet marbuta mal-ikel, iżda hemm bżonn aktar għajnuna biex wieħed jagħraf ċertu sintomi fuqu nnifsu.
Kważi tlieta u disgħin fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, wieġbu li huma familjari mal-kundizzjonijiet li jeżistu marbuta mal-ikel.
Il-kundizzjonijiet li ssemmew l-aktar kienu l-anoressija u l-bulimja, imma ssemmew ukoll l-obeżità, l-allerġiji għal ċertu ikel, id-dijabete u s-celiac.
Erbatax fil-mija qalu li jafu lil xi ħadd b’xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li tlieta fil-mija qalu li huma, jew xi ħadd qrib tagħhom, għandu kundizzjoni marbuta mal-ikel.
Fatt interessanti li ħareġ minn dan l-istess studju, li sar mill-Fondazzjoni Dar Kenn għal Saħħtek flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, huwa li għalkemm tlieta fil-mija biss qalu li huma jew xi ħadd qrib tagħhom għandhom kundizzjoni marbuta mal-ikel, meta ġew spjegati s-sintomi, erbatax fil-mija qalu li għandhom is-sintomi.
Il-psikjatra Anton Grech qal li dan juri kif meta niġu biex inħarsu lejna nfusna, ma nirrealizzawx li għandna ċertu kundizzjonijiet.
Qal, “Dan iwassal messaġġ li huwa importanti ħafna li nagħtu każ aħna minn xiex aħna għaddejjin u jekk xi ħadd jiġbdilna l-attenzjoni fuq xi ħaġa, speċjalment xi ħadd li jgħożżna qrib tagħna, jgħidlek isma’ m’intix tiekol sew qed tinkwetani, mhux ninjorawh imma nagħtu kasu u naraw għandhomx raġun jew le.”
Il-Professur Grech spjega li minkejja li dawn il-kundizzjonijiet jinsabu fost kull faxxa ta’ età, anki anzjani, l-adoloxxenti huma l-aktar suxxettibbli.
Spjega wkoll li filwaqt li sa ftit tas-snin ilu, dawn il-kundizzjonijiet kienu komuni l-aktar fost it-tfajliet, riċerka riċenti turi li dawn il-każijiet dejjem qed jiżdiedu fost il-ġuvintur.
Spjega, “Din l-aktar li qed tiġri għaliex qed inwasslu kultura li l-irqiq ħafna u s-sabiħ huma l-istess ħaġa speċjalment il-midja u l-images li jagħtu, li ħafna drabi ma jkunux realistiċi għax tara ritratti ta’ ċertu nies li x’ħin tarahom fil-verità ma tarafhomx, imma dak li jkun qed indaħħlulu f’moħħu li biex tkun sabiħ trid tkun irqiq ħafna.”
Huwa importanti ħafna li meta xi ħadd iħoss xi sintomi, jew jiġi mgħarraf minn dawk ta’ madwaru, jieħu azzjoni mill-ewwel.
Qal, “Jien nemmen ħafna fit-tabib tal-familja, jiġifieri dak li jkun jekk jibda bit-tabib tal-familja jkun jista’ jiggwidah għax ikun jafu sew, ikun komdu miegħu u jkun jaf bis-servizzi. Għajnuna teżisti ħafna, ġeneralment mhux dak li jkun imur għand psikjatra mill-ewwel għax ħafna jaħsbu li l-għajnuna għand psikjatra biss. Hawn psychologists, psychotherapists, nutritionists, dieticians li dawn kollha jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward.”
Waħda mill-Fondazzjonijiet li toffri għajnuna speċifika f’dawn il-każijiet hija Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa, li Anton Grech huwa ċ-Chairman tagħha.
Qal, “Is-servizzi jikkonsistu fi programmi residenzjali li hemm min il-kundizzjoni tant tkun daħlet ’il ġewwa li jkollu bżonn jidħol residenti u hemm programmi għal min hu obeż u anki għal min għandu l-anoressija però jeżistu wkoll servizzi outpatients, li dak li jkun mhux bilfors imur residenti imma jmur darba, darbtejn f’ġimgħa skont il-bżonn as a day user, jieħu servizzi u jerġa’ jmur lura lejn id-dar.”
Biex wieħed jagħmel użu minn dawn is-servizzi għandu bżonn biss ittra ta’ referenza mit-tabib tal-familja, u għal aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lil Dar Kenn għal Saħħtek fuq il-paġna ta’ Facebook.