Lenti differenti dwar l-istudji teatrali, fejn bla limitazzjoni, persuna tiskopri lilha nnifisha tul il-proċess ta’ esperimenti differenti. Perspettiva li żball ma jeżistix imma minflok huma opportunitajiet ta’ tagħlim.
Dan huwa l-ambjent u l-ispazju li joffri Theatre Lab Malta.
F’intervista mad-Direttur Clive Piscopo, qabel waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ f’Ħal Qormi, spjega kif huwa għaqqad żewġ passjonijiet li għandu: ir-reċtar u t-tagħlim.
“Ħafna drabi hawnhekk bil-kontra naħdmu, inti jkollok biċċa xogħol li trid tagħmel, imbgħad l-għalliem jgħinek u jibni fuq li tati inti, allura l-kunċett ta’ żball lanqas biss jeżisti għaliex aħna mhux li tagħmel l-iżbalji, imma l-iżbalji huma biss opportunitajiet li inti titgħallem.”
Theatre Lab Malta jaħseb għal nies li jħarsu lejn id-drama bħala passatemp, dawk li jixtiequ jitħarġu b’mod professjonali, u persuni li permezz tad-drama jiskopru aktar lilhom infushom.
“Id-drama minħabba li nesploraw il-ħajja tal-bniedem hija opportunità unika biex tiskopri lilek innifsek, issir taf lilek innifsek u għala le titgħallem tħares lejn il-ħajja aktar pożittiv għax għalina dik hija xi ħaġa importanti li t-theatre lab mhux biss jgħallmek id-drama imma jgħamlek persuna aħjar.”
Id-Direttur ta’ Theatre Lab Malta temm jgħid li t-taħriġ isir minn fost l-aqwa nies imħarrġa fis-settur, li b’tant imħabba u dedikazzjoni jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-istudenti.