Studji internazzjonali juru li l-liberalizzazzjoni tal-enerġija, li jrid il-Partit Nazzjonalista, wasslet għal spejjeż addizzjonali fil-kontijiet tal-familji u l-industriji kull fejn seħħet. Dan flimkien ma’ sensji kbar fost ħaddiema fis-settur.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha fl-isfond tal-proposta tal-Partit Nazzjonalista li ppropona li jilliberalizza s-suq tal-enerġija f’pajjiżna.
Fil-fatt, il-gazzetta kkwotat numru ta’ studji minn professuri f’universitajiet rinomati li juru dan.
Studju minnhom, li sar mill-Professur Faye Steiner tal-Università rinomata ta’ Stanford fl-Istati Uniti tal-Amerka lura fl-2001 għall-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), jgħid li fil-verità ma kienx hemm tnaqqis fil-prezz avolja żdiedu n-numru ta’ operaturi.
Meta ħarset lejn dak li ġara fis-suq Ingliż, l-akkademika Amerikana nnotat li “kumpaniji privati b’saħħa fis-suq ħadu post entità pubblika b’saħħa fis-suq, allura l-prezzijiet ma rrispondewx immedjatament għall-privatizzazzjoni”.
Dan seħħ ukoll f’pajjiżi oħrajn, tant li l-Professur Steiner ikkonkludiet li “grad għoli ta’ sidien privati u l-imminenza ta’ privatizzazzjoni u liberalizzazzjoni għandhom it-tendenza li jgħollu l-prezzijiet li jridu jħallsu fl-industriji”.
Minbarra hekk, tisħaq li kien biss fejn il-Gvern kompla jintervjeni b’regolamenti fuq il-prezzijiet tal-enerġija, li l-konsumaturi ż-żgħar ma spiċċawx diskriminati fil-prezz.
Din l-analiżi ġiet ikkonfermata minn artiklu ppubblikat fl-2019 fil-ġurnal awtorevoli ‘Review of Industrial Organisation’ miktub mill-Professur Michael G. Pollitt mill-Università wkoll rinomata ta’ Cambridge fl-Ingilterra.
Fost l-oħrajn, Pollitt isemmi kif studju tal-Kummissjoni Ewropea fl-2014 sab li, waqt li “l-prezzijiet bl-ingrossa naqsu b’35% bejn l-2008 u l-2012 … residenzi u industriji ma rawx kontijiet orħos, minħabba l-fatt li f’dan il-perjodu l-ispejjeż fin-network żdiedu bi 18.5% u 30% għad-djar tal-familji u għall-industriji rispettivament, waqt li t-taxxi u s-sisa żdiedu b’36% u 127% għad-djar tal-familji u għall-industriji rispettivament”
Dan ifisser li fil-prattika l-proċess ta’ liberalizzazzjoni ma ħalliex impatti pożittivi fuq il-prezzijiet li kellhom jibdew jirċievu l-familji u n-negozji fl-UE.
Fil-fatt il-prezzijiet tal-energija kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji f’diversi pajjiżi Ewropej illum huma aktar għoljin milli kienu 15-il sena ilu.
Il-Professur Pollitt, li fost l-oħrajn kien konsulent tal-Bank Dinji u tal-Kummissjoni Ewropea, jinnota wkoll riżultati ta’ studji internazzjonali oħrajn li jindikaw li “dak li hu aktar ċar hu li jibqa’ b’saħħtu n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-pubbliku bi swieq tal-enerġija liberalizzati”.
Hekk kif elenkaw dawn l-istudji, il-KullĦadd temmet tgħid li hu evidenti li, altru minn tbeżżigħ, dak li qed jgħid il-Gvern dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-qasam tal-enerġija hu devastanti.
“Dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech iwassal għall-effetti soċjali negattivi mingħajr ebda titjib fil-prezz tal-enerġija għall-konsumaturi,” irrimarkat il-KullĦadd.