Dalgħodu, il-Purċissjoni tal-Akkademiċi lejn is-Sala Sir Temi Zammit tat il-bidu għall-ftuħ tas-sena akkademika l-ġdida fl-Università ta’ Malta. Kemm ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, kif ukoll il-President tal-KSU, Steph Dalli, li indirizzaw lill-udjenza tagħhom għall-ewwel darba fl-irwol ġdid tagħhom, taw merħba lill-Freshers għas-Sena Akkademika 2016-2017.
Il-University Wind Ensemble daqqet intervalli mużikali, filwaqt li l-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni kienet iċċelebrata fil-Kappella tal-Università.
Il-Prof. Vella introduċa lit-tim tiegħu ta’ pro-Retturi lill-istudenti l-ġodda. Fil-ftuħ tad-diskors tiegħu, ir-rettur qal li ż-żmien fl-Università għandu jitqies bħala ħin ta’ kwalità, li jgħin lill-istudent jikber fuq livell personali, bħala studjuż, u bħala persuna realizzata.
Meta rrefera għat-tema ta’ din is-sena “Studja għal-lawrja; studja għall-ħajja”, il-Prof. Vella qal “il-kampus għandu jkun post, fost oħrajn, fejn l-espressjoni intelliġenti u inċiżiva tista’ tiġi pprattikata sakemm issir konswetudini u parti min-norma għal persuni b’edukazzjoni universitarja.” Żied jgħid li għal dan il-għan ser ikun qed jippromwovi kultura ta’ dibattitu formali u xieraq, u b’hekk tiġi nkoraġġuta dik li tissejjaħ debating society fuq il-Kampus.