Kollha tlellix u tiżjin għall-festi tal-Milied, mijiet ta’ roti flimkien ma’ studenti minn skejjel primarji u sekondarji taż-Żejtun inġabru fil-pjazza biex flimkien imorru l-iskola b’dan il-mezz ta’ trasport, li jgħin għas-saħħa u anke għall-ambjent.
Din l-inizjattiva mtella’ b’mod konġunt mill-iskejjel u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun saret bil-għan li t-tfal jiġu mħeġġa jużaw ir-rota bħala mezz ta’ trasport alternattiv u minbarra hekk b’din l-attività nġabru flus b’risq Dar Nazareth.
Dar Nazareth tgħin persuni b’diżabilità biex għixu ħajja aktar dinjituża, f’ambjent ta’ familja, imma wkoll fil-komunità.
Fil-fatt, qabel ma qabdu t-triq għall-iskola quddiem il-Knisja ddedikata lil Santa Katerina, kienu għexieren ta’ tfal li, akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, kienu qed jistennew bil-ħerqa t-tberik tar-roti.
Hawnhekk ONE News tkellem ma’ tfal ta’ kull età u bi tbissima fuq fommhom spjegaw x’kienu qed jagħmlu.
Sadanittant staqsejnihom għaliex iddeċiedew li jqumu kmieni filgħodu u joħorġu r-rota biex jaqdfu sal-iskola. Kienu wkoll bosta li tkellmu dwar ir-raġuni għaliex għandha tintuża aktar ir-rota minflok xi mezz ieħor ta’ trasport.
Tkellimna wkoll ma’ Joan Agius, is-Sindku tal-lokalità, li spjegat li din l-inizjattiva mistennija tibqa’ tikber kull sena biex jippromwovu l-użu tar-rota u anke s-solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.
“L-għan ewlieni hu or health reasons, biex it-tfal anke kemm jista’ jkun jidraw jużaw ir-rota. Hi xi ħaġa sabiħa li tmur l-iskola u t-toroq ikunu daqsxejn iżjed siguri biex it-tfal ikunu jistgħu jmorru għall-iskola. Bdejna qisu attivitajiet tal-Milied, jidħlu fl-atmosfera. It-temp ħareġ bellezza u t-tfal nagħtuhom il-potenzjal li kemm hu sabiħ li tkun taf issuq ir-rota, tużaha għal għan nobbli u nnaqqsu t-tniġġis ukoll tal-karozzi, jekk alla jrid, biex forsi jmorru għall-iskola t-tfal bir-roti.”
Sindku taż-Żejtun, Joan Agius