L-istudenti huma mħassba dwar azzjoni industrijali li qed jagħmlu l-fiżjoterapisti u li qed taffetwa l-istudenti li qed isegwu l-kors fil-fiżjoterapija.
Jidher li kawża ta’ din l-azzjoni industrijali, dawn l-istudenti mhux qed ikunu jistgħu jagħmlu l-prattika u jieħdu l-esperjenza meħtieġa bħala parti mill-istudji tagħhom.
L-istudenti tal-MHSA (Malta Health Student Association) flimkien mal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji stqarru li din il-problema jeħtieġ li tiġi indirizzata malajr hekk kif dawk l-istudenti li għandhom l-eżamijiet matul ix-xahar ta’ Settembru ma jistgħux ipoġġu għall-eżami konċernat mingħajr ma jagħmlu dawn is-sigħat ta’ prattika.
Fid-dawl li studenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom, ma jkunux jistgħu jagħmlu dan l-eżami fiż-żmien stipulat, mhux se jkunu jistgħu jigradwaw mal-bqija tal-istudenti f’Novembru.
L-istudenti fissru kif din il-problema taffetwa wkoll studenti li se jibdew, jew qed isegwu dan il-kors, dan għaliex ma jkunux jistgħu jiksbu l-esperjenza meħtieġa, speċjalment fl-aħħar sena ta’ dan il-kors li fil-maġġoranza tagħha tinvolvi l-prattika. Il-Kunsill tal-istudenti flimkien mal-MHSA appellaw lill-awtoritajiet biex din il-problema tissolva kemm jista’ jkun malajr.