Ilbieraħ filgħaxija, id-daħla tal-Belt Valletta ħadet xejra differenti hekk kif it-taraġ ta`maġenb il-binja tal-Parlament tbiddel f’wirja ta’ karozzi tat-tlielaq mibnijin kompletament minn studenti tal-Università ta’ Malta.
Magħrufin bħala ‘University of Malta Racing’ (UoMR), studenti ġejjin minn diversi sfondi akkademiċi jingħaqdu flimkien biex jiddiżinjaw, jibnu u fl-aħħar itellqu b’dawn l-istess karozzi f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna hekk imsejħa ‘Formula SAE’.
Dan ix-xahar, l-istess grupp ta’ studenti ser jikkompetu fil-kompetizzjoni Formula SAE ġewwa Parma fl-Italja. B’hekk qabel jitilqu għal din l-istess kompetizzjoni, ħadu l-opportunità biex jinawguraw l-aħħar karozza li bnew li biha ser ikunu ed jikkompetu fl-Italja. Barra minn hekk, kellhom ukoll wirja bil-karozzi tas-snin ta’ qabel u riċeviment miftuħ għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu lit-tim tul dawn l-aħħar sentejn.
Preżenti kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Universita, il-Professur Alfred J. Vella, kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo, li faħħar lill-istudenti għall-mod kif jgħaqqdu diversi dixxiplini u appella għal iktar progetti bħal ta` UoMR.
Fiha nnifisa, l-karozza l-ġdida laħqet numru ta’ miri, fosthom il-fatt li għall-ewwel darba l-karozza Maltija tal-Formula SAE ser ikollha magna b’sistema turbo u sistema elettronika li tiġbor informazzjoni fuq il-karozza (bħal veloċita, temperatura u pressa) li ġiet iddiżinjata mill-bidu sal-aħħar mill-istudenti nnifishom.
Għal darb’oħra, il-karozza ġiet miżbugħa b’ispirazzjoni mill-bandiera ta` Malta, bi strixxi bojod u ħomor fuq il-carbon fibre. Din ser tkun ir-raba` darba li l-Università ta` Malta ser tipparteċipa fil-Formula SAE wara prestazzjonijiet sodi fl-2007, 2014 u fl-2015.
Ritratti: icreatemotionstudio.com