Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu sar qbil biex studenti Universitarji mill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u mill-Fakultà tad-Dentistrija jkunu assenjati għal perjodu ta’ taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paul u faċilitajiet oħra madwar Malta, biex ikollhom taħriġ prattiku marbut mal-linja tal-istudju tagħhom.
Dan il-ftehim se jwassal biex l-istudenti jkollhom aċċess għal taħriġ kliniku tal-ogħla livell.
Il-ftehim bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u l-Università ta’ Malta, ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet spjegata l-importanza li studenti jkollhom dawn l-opportunitajiet li jipprattikaw dak li jkunu qed jitgħallmu permezz ta’ perjodi ta’ taħriġ f’postijiet tax-xogħol relatati mal-istudji tagħhom.
Il-Ministru Clifton Grima faħħar il-ħidma li saret li wasslet għall-ftehim u qal kif dan juri l-impenn fil-qasam edukattiv.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li mill-esperjenza tiegħu jaf kemm huwa essenzjali l-“bedside teaching”, li jgħin biex jifforma tobba dedikati.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta il-Professur Alfred J. Vella wera sodisfazzjon għall-ftehim iffirmat. Huwa sostna li, l-Università hija kburija b’dan il-ftehim biex l-istudenti mediċi jiksbu esperjenza u ħiliet billi jkunu esposti għal xenarji reali ’l barra mill-klassijiet.