L-istudenti u dawk kollha li għandhom card Tallinja ta’ konċessjoni, liema persuni diġà qed igawdu minn trasport pubbliku b’xejn, m’għandhomx bżonn ikomplu jġeddu l-card tagħhom.
Dan ħabbritu Malta Public Transport fi stqarrija, fejn spjegat li din il-bidla daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ Settembru, u hija parti minn tħejjijiet akbar sabiex it-trasport pubbliku jkun bla ħlas għal kull min ikollu Tallinja Card.
Qabel din il-bidla, dawk kollha li kellhom Tallinja Card u kienu eliġibbli għat-trasport b’xejn, kellhom iġeddu l-cards tagħhom sabiex il-Gvern iħallas l-ammont imġedded ix-xahar ta’ wara.
Issa, permezz tas-sistema l-ġdida, dawk kollha b’Tallinja Card ta’ konċessjoni u studenti se jkollhom esperjenza ta’ trasport pubbliku b’xejn aktar komda, hekk kif ħadd minnhom m’hu se jkollu għalfejn iġeddu l-card tagħhom.
Din is-sistema se tiġi estiża għal kull min għandu Tallinja Card minn l-ewwel t’Ottubru li ġej.
Minkejja dan, wieħed xorta se jkollu bżonn jagħmel użu mill-card meta jitla’ fuq tal-linja, hekk kif xorta waħda se jkunu qed isiru spezzjonijiet sabiex ikun aċċertat li kulħadd ivvalida l-card tiegħu.