Numru ta’ studenti mill-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa esploraw it-tema tal-valuri tal-imħabba u tal-empatija lejn ta’ madwarna permezz ta’ inizjattivi b’rabta mal-maratona tal-ġbir tal-fondi b’risq il-Missio, li hija l-aġenzija tal-missjoni tal-Knisja Kattolika f’Malta.
F’din l-iskola, l-istudenti tal-ħames sena libsu flokkijiet ikkuluriti bil-ħsieb li jippromwovu d-diversità, kif spjegaw huma stess.
L-għalliema tagħhom, Rachel Galea, spjegat kif nibtet l-idea tal-flokkijiet għat-tfal.
Qalet, “Jien, flimkien mal-LSE, xtaqna li nixtru flokk lit-tfal tal-klassi tagħna. Fil-fatt għażlu l-kulur huma, kuluri differenti li juri li aħna lkoll tfal differenti.”
L-istess klassi ħasbet ukoll li tifforma l-kelma ‘Hope’, tama, fil-grawnd tal-iskola biex bl-inizjattiva tagħhom ikomplu joffru t-tama lil tfal ’il bogħod minnhom.
David Spiteri, għalliem tar-raba’ sena, qal li fl-iskola kien hemm inizjattiva oħra tal-għalliema. It-tfal bdew iġibu donazzjonijiet żgħar u jimmarkaw fuq kartellun biex jaraw kemm se jinxtraw kotba bid-donazzjonijiet tagħhom.
Spiteri tkellem dwar il-ħsieb wara dan.
Qal, “Spjegajnielhom li, jekk ma jkunux jafu l-iskola, la jaħdmu u jibqgħu fil-faqar. Allura t-tfal kuljum kienu jġibu xi flus u jimmarkaw il-kotba.”
Il-Kap tal-Iskola, Jean-Pierre Micallef, innota li l-iskola tilqa’ fiha numru ta’ tfal mhux Maltin, u allura l-istudenti u l-istaff jgħixu d-diversità ta’ kuljum bit-tagħlim tal-valur tal-imħabba.
Qal, “Dejjem ngħallmuhom il-valur tal-imħabba. Issa l-valur tal-imħabba jista’ jkun f’forom differenti. Aħna l-iskola tagħna, ta’ Birżrebbuġa, inħeġġu t-tfal li jaħsbu f’kulħadd, mhux fihom infushom biss, minn liema reliġjon, minn liema kultura, minn liema twemmin, irrispettivament. Ngħixuha kuljum dil-ħajja, aħna.”
Preżenti għal din l-inizjattiva fl-iskola kien hemm ukoll uffiċjal tal-aġenzija tal-Knisja, il-Missio, li laqgħet bi pjaċir l-inizjattivi tal-iskola u fakkrithom li huma wkoll jistgħu jagħmlu differenza.
Qalet, “Xtaqu jġibu t-tama lil tfal oħra fid-dinja li għandhom bżonnha. Bid-donazzjoni tagħhom jistgħu jibdlu l-ħajja ta’ xi ħadd li ma jafux.”
Fl-aħħar tal-attività, l-istudenti għaddew il-messaġġ tagħhom għall-maratona tal-ġbir tal-fondi b’risq il-Missio, li se tixxandar nhar is-Sibt li ġej fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha, inkluż ONE.