Studenti tal-MCAST qed jirrestawraw kappella antika ta’ Santa Katerina fil-Gudja. Din il-kappella inbniet lura fis-seklu sbatax u hija waħda mill-aktar kappelli antiki fir-raħal tal-Gudja.
Emma Elena Cilia, li hija waħda mill-istudenti li qed jirrestawraw din il-kappella spjegat dwar ix-xogħol li qed isiru f’din il- binja li għaddew minn fuqha mijiet ta’ snin.
“Kellna ġebel mikul bħal ma qed taraw warajja, allura kellu jsir plastic repair u tindif u imbagħad infetħu u tnaddfu fili. Reġa sar id-deffun u użajna d-deffun biex nibqgħu fuq l-istess stil li kienet mibnija bih il-kappella.”
Wieħed mill-edukaturi tar-restawr spjega li l-MCAST toffri diversi korsijiet f’livelli diversi b’rabta mas-suġġett tar-restawr.
“Noffru livelli minn livell ħamsa sa livell tlieta fejn għandna l-ewwel livell ta-sewwej li jistudja kif jaħdem fuq il-ġebla, livell 4 huwa il-mastru li huwa livell għola li jdaħħal fih ukoll element ta’ tmexxija u għandek il-livell 5 li huwa kapumastru li tieħu responsabbiltà mis-sit u l-lant tax-xogħol”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici tenna li huwa jrid li l-MCAST ikompli jkun ċentru ta’ eċċellenza għal tagħlim vokazzjonali.
Spjega li r-rotta akkademika hija importanti imma daqstant huma importanti r-rotot tal-istudju applikat u vokazzjonali. Spjega wkoll li l-MCAST se tkompli taħdem ma’ aktar kunsilli lokali biex isiru proġetti oħrajn.
Is-sindku tal-Gudja Maria Sara Vella laqgħet il-ħidma li qed tagħmel l-MCAST b’risq il-kominità tal-Gudja.
“Kien ta pjaċir għalina li qed nilqgħu dawn l-istudenti hawnhekk għax irridu nieħdu ħsieb il-wirt storiku u nixtieq li jkollna aktar ħidma flimkien. Inħeġġeġ ukoll aktar studenti jissiebħu f’dawn il-korsijiet biex ikomplu jirrestawraw aktar binjiet storiċi fl-irħula tagħna”