Grupp ta’ studenti mill-Istitut tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għamlu xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Gudja.
Dan bħala parti minn kors vokazzjonali li qed jagħtihom l-opportunità li jiksbu l-prattika meħtieġa fuq is-sengħa tar-restawr tal-ġebel.
Waħda mill-istudenti li ħadmet fuq dan il-proġett spjegat kif kienet esperjenza sabiħa li jaħdmu b’metodi antiki fis-sengħa tal-ġebel li llum m’għadhomx jintużaw.
Emma Elena Cilia stqarret, “Huwa sodisfazzjon li qed tagħmel affarijiet antiki li qed jagħmlu n-nies ta’ qabel u tgħid ara n-nies antiki kif kienu jaħdmu, imbaltuħ. Mhux affarijiet li naħdmu bihom illum il-ġurnata. Tħoss ċertu challenge u sodisfazzjon fl-istess ħin li qed tagħmel xogħol differenti.”
Student ieħor tkellem dwar l-ikbar sfida għalih f’dan il-proġett.
Gratian Grech spjega, “L-aħħar ħaġa diffiċli li sibt hija l-kontra-bejt ta’ fuq is-saqaf. Ovvjament qatt ma kelli idea kif trid tagħmlu però bl-għajnuna tal-għalliema u studenti oħrajn tgħallimt.”
L-Arċipriet il-Kanonku Norman Zammit spjega li fil-kappella se jkun hemm is-sagrament għal kull min imur jitlob fiha.
Is-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella, qalet li għall-Kunsill kien importanti li jaħdem mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MCAST għal dan ir-restawr u awgurat li jkun hemm aktar kollaborazzjoni fiż-żmien li ġej.
Waqt żjara li għamlet fil-kappella, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana nnotat kif l-edukazzjoni hija għodda importanti biex is-snajja’ f’pajjiżna ma jintilfux fl-istess ħin li ma jintifilx il-wirt kulturali.
Il-Ministru Caruana rrimarkat, “Qed nitkellmu fuq il-wirt kulturali tagħna u allura fejn qed nenfasizzaw ħafna fuq il-preservazzjoni u l-konservazzjoni, irid ikollna nies li huma mħarrġa u speċjalizzati f’dan is-settur.”
Dan mhux l-unika proġett li ħadmu fuqu studenti tal-MCAST, hekk kif għamlu wkoll xogħol ta’ tiswija fil-Kappella ta’ San Filippu fl-Isla, il-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat u l-istazzjon f’Birkirkara.