Matul l-aħħar ftit ġimgħat, l-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu (ITS) kien f’kuntatt mal-istudenti li kienu barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ studju. L-Istitut għamel l-arranġamenti xierqa biex l-istudenti kollha jirritornaw lejn Malta, fid-dawl tal-Coronavirus. Filwaqt li kkunsidra s-sitwazzjoni, l-Istitut ħabbar li tali tfixkil fl-apprendistat tal-istudenti ma jaffettwax it-tlestija b’suċċess tal-programm ta’ studju tagħhom.
Bħala parti mill-programm ta’ studji tagħhom, studenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi jgħaddu minn apprendistat internazzjonali u hemm ukoll studenti li jsiefru għal semestru ta’ studju ma’ Istituzzjonijiet u Universitajiet kollaborattivi. Fid-dawl ta’ dan, l-Istitut kellu diversi studenti f’pajjiżi madwar l-Ewropa.
6 studenti li kienu qed jistudjaw fl-Institut Paul Bocuse f’Lyon, Franza, bħala parti mill-programm ta’ Grad ta’ Baċellerat fl-Arti Kulinarja, irritornaw lura Malta u se jkomplu jitgħallmu b’metodi differenti, permezz ta’ arranġamenti attaposta. Studenti li qed jaqraw għal Baċellerat fil-Ġestjoni Internazzjonali tal-Ospitalità, li jammontaw għal 19-il student, u li bħalissa kienu qed jistudjaw fl-Università tax-Xjenza Applikata Haaga-Helia f’Helsinki, il-Finlandja ġew ukoll miġjuba lura u jibqgħu jħallu l-konferenzi tagħhom onlajn permezz ta’ pjattaforma ddedikata mal-istess Università.
Studenti li kellhom 12-il xahar ta’ apprendistat internazzjonali f’diversi pajjiżi wkoll irritornaw lura Malta. Dawn jinkludu 3 studenti li kienu fir-Repubblika Ċeka, 14 fir-Renju Unit, 1 fl-Ungerija, 3 fl-Irlanda, 1 f’Jersey (Channel Island), 13 fl-Iskozja u 17 f’Wales.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech iddikjara li apparti li jassigura li l-istudenti li joqogħdu Malta ikollhom tfixkil minimu fit-tagħlim tagħhom, billi jkomplu bil-lectures onlajn, fl-istess ħin l-Istitut ħadem ukoll biex jissalvagwardja l-istudenti l-oħra kollha li kienu barra mill-pajjiż. L-Istitut ikkuntattja lill-istudenti kollha, biex joffrilhom ritorn lura d-dar u l-biċċa l-kbira aċċettawh u ġew ripatrijati.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret lill-ITS talli żammet l-operat tagħha effiċjenti wara li l-korsijiet saru disponibbli onlajn fid-dawl ta’ Covid19. Il-membri tal-istaff akkademiku u dak amministrattiv, bid-dedikazzjoni tagħhom, għamilha possibbli biex l-istudenti kollha setgħu jkomplu bl-istudji tagħhom bl-inqas interruzzjoni possibbli. Farrugia Portelli qalet li tħares ‘il quddiem biex tara l-Industrija tat-Turiżmu u l-Ospitalità lura għall-operat normali tagħha, sabiex dawn l-istudenti jużaw dan it-tagħlim fl-ambjent xieraq.