Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, organizza laqgħa bejn l-istudenti u min iħaddem biex b’hekk l-istudenti iffamiljarizzaw aktar mal-industrija turistika permezz ta’ laqgħa ma’ ħamsa u sittin rappreżentant ta’ kumpaniji, ristoranti u lukandi differenti sabiex jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol.
ONE News kien preżenti u Kyle Pace Cumbo, rappreżenant ta’ lukanda ewlenija f’Malta, spjega li bħalissa x-xogħol fil-qasam tal-ospitalità qed jerġa’ jirranka.
Qal, “Ix-xogħol żdied, issa li ħerġin mill-Covid bil-mod il-mod u Malta miftuħa għat-turisti, ix-xogħol dieħel f’Malta u we’re very lucky to be the leading luxury hotel. Biex inkunu nistgħu nagħtu dan is-servizz hemm bżonn l-impjegati u fejn hawn huwa l-aħjar post meta jkollok impjegat mgħallem min nies Maltin f’Malta u għandhom il-valuri tal-ospitalità Maltija.”
Fost l-istudenti li attendew kien hemm Timothy Scicluna, student tat-tieni sena tal-ITS, li saħaq kif din l-attività tgħinhom bil-kbir isibu xogħlijiet fis-sajf.
Spjega, “Aħna bħala studenti tal-ITS fis-sajf għandna bżonn nagħmlu 40 siegħa ta’ work experience u xogħol issibu hekk minn qabel huwa tajjeb għall-esperjenza anke bħala kċina, bars u servizz ieħor.”
Garreth Attard, eks student, spjega magħna kif illum il-ġurnata għandu xogħol grazzi għall-esperjenza li ġab minn attività simili li assistejna għaliha
Qal, “Inħoss li minn din l-event l-istudent, li jiena konta hawnhekk f’dawn is-sentejn, jgħinek tikber ‘il quddiem bħala karriera tiegħek.”
Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Operat tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan l-ITS, Claire Briffa, qalet kif din is-sena mistennija jaraw aktar suċċess ta’ studenti li jsibu xogħol.
Spjegat, “Din hija r-raba’ darba li qed nagħmlu l-industry meet up, kull sena l-istudenti tagħna prattikament kollha isibu xogħol, parti minnhom minn dan il-meet up u din is-sena qed nistennew iżjed suċċess minħaba l-konkorrenza li kellna mill-industrija.”