Numru ta’ studenti mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed jesebixxu skulturi magħmula miċ-ċikkulata u oħrajn mill-butir, bħala parti mill-istudji tagħhom.
L-esebizzjoni, li tinkludi mal-ħamsin biċċa xogħol hija l-akbar waħda li qatt tella’ l-ITS s’issa.
Tkellimna ma’ studenti li kellhom ix-xogħol tagħhom esebit fejn tawna idea tax-xogħol li skulturi ta’ dan it-tib jirrikjedu.
Zach Caruana, student li qiegħed jesebixxi x-xogħol tiegħu semma d-differenza fil-proċess bejn skulturi tal-butir u dawk taċ-ċikkulata, speċjalment fit-temperatura li dawn iridu jinħadmu fiha.
Qal, “Għall-butir irid ikollok temperatura kiesħa ħalli inti u taħdem il-butir jgħaqqad fl-istess ħin. Iċ-ċikkulata trid tkun f’room temperature ħalli ċ-ċikkulata żżomm it-temperatura tagħha.”
Nathania Camillieri, studenta Għawdxija qaltilna kif l-aħħar parti tal-proċess, meta ssir l-iskultura jieħu mal-għaxar sigħat lil żewġ persuni fuq medda ta’ ġimgħa biex l-iskultura tieħu l-forma tagħha.
Spjegat, “Tliet lezzjonijiet, darba f’ġimgħa u kull lezzjoni kellha erba’ sigħat jiġifieri bejn wieħed u ieħor, u forsi xi lezzjoni żejda ’l hawn u ’l hemm, ħaditilna b’kollox, żewġ persuni tnax-il siegħa.”
Tkellimna ukoll ma’ żewġ letturi f’dan il-kors. Andrew Farrugia, tkellem dwar l-importanza tal-estetika fil-qasam kulinari u l-iskop għaliex dawn ħiliet huma mgħallma fl-ITS.
Qal, “L-arti u dak nsejħulu estetika huwa importanti illum il-ġurnata u minn dawn iż-żewġ proġetti li jkunu qegħdin jaħdmu fuqhom l-istudenti, dawk tal-butir u dawk taċ-ċikkulata jiżviluppaw ħafna l-għarfien u t-tekinika f’dawn iż-żewġ aspetti ta’ materja.”
Il-lettur Farrugia, kompla fejn innota r-rarità ta’ dawn il-korsijiet l-preġju li joffru, speċjalment dawk fil-ħidma tal-butir.
Qal, “Għall-ITS narawh bħala xi ħaġa kemm xejn prestiġjuża għaliex dawn it-tip ta’ korsijiet u tagħlim huma limitati ħafna u rrid ngħid li fl-ewropa naħseb aħna l-unika skola li ngħallmu l-arti fl-iskultura tal-butir.”
Lettur ieħor qasam magħna s-sodisfazzjon li jinħass meta jitellgħu esebizzjonijiet bħa dawn bil-proġetti sottomessi.
Qal, “Ovvjament, x’ħin tgħaqqad ix-xogħol f’daqqa tara li kull biċċa xogħol u biċċa arti li saret hija totalment differenti minn oħra. L-istudent u aktar u aktar aħna nħossuna sodisfatti li l-istudenti qegħdin jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom għal dan it-tip ta’ xogħol li ntuhom.”
L-esebizzjoni hija miftuħa għall-pubbliku sat-tnejn ta’ Lulju li ġej.