Studenti li mill-ewwel ta’ Ġunju se jiġu minn tal-inqas ħmistax-il jum f’pajjiżna sabiex jistudjaw l-Ingliż se jkunu qed jingħataw €10 kuljum sa massimu ta’ €300 għal 30 jum jew aktar.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f’konferenza tal-Gvern, il-Ġimgħa waranofsinhar.
Il-Ministru Bartolo sostna kif din l-iskema hija mmirata li tkompli tħajjar it-turisti u l-barranin lejn pajjiżna. Dan filwaqt li tkompli tgħin lin-negozji jgawdu mill-infiq tal-barranin.
B’kollox għal din l-iskema l-Gvern alloka miljun ewro.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “L-effett ġenerali li ser nħallu fl-ekonomija permezz ta’ din l-iskema huwa dak li jlaħħaq is-€7 miljun. Jiġifieri filwaqt li se nkunu qed ninvestu miljun ewro, il-pajjiż se jkun qed jieħu €7 miljun lura minnhom dawn.”
Skejjel tal-Ingliż jistgħu japplikaw billi jissottomettu d-dokumentazzjoni neċessarja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dan sabiex ikun assigurat li l-iskola taħdem kif suppost u mingħajr ebda xkiel sabiex ma jinħarġux vouchers għalxejn.
Fost oħrajn se jintalbu l-kopji tal-biljetti tal-ajru kemm tal-wasla u anke tat-tluq, it-tul tal-kors u dettalji dwar l-istudenti b’mod individwali.
Malli dawn id-dettalji jkunu proċessati, jintbagħtu l-vouchers fl-iskejjel sabiex dawn jingħataw lill-istudenti mal-wasla tagħhom.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Dawn il-vouchers ma jistgħux jintefqu fi flus kontanti. Aħna rridu naraw li jkun hawn iżjed flus li jintefqu fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Għal aktar dettalji, l-iskejjel tal-Ingliż mistednin jipparteċipaw f’webinar tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fil-jiem li ġejjin. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu mit-Tnejn li ġej.