Studenti tal-MCAST li jsegwu l-kors tal-inġinerija ser jibdew jingħataw il-warrant, u b’hekk ikunu liċenzjati sabiex jiffirmaw u jiċċertifikaw proġetti tagħhom. Dan ġie żvelat mill-Ministri Evarist Bartolo u Ian Borg.
Huma spjegaw kif minn mindu dan il-kors ġie introdott fl-MCAST fl-2009, l-istudenti tal-inġinerija kienu f’limbu għaliex ma setgħux jingħataw warrant – għall-kuntrarju tal-inġiniera mħarrġa fl-Università .
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Professjoni tal-Inġienerija fisser dan il-warrant bħala ċ-ċavetta tal-indipendenza għal dawk il-gradwati fl-Inġinerija li ser ikunu liċenzjati f’dan il-qasam:
“Il-warrant ifisser mhux biss l-obbligi ta’ wieħed li issa huwa responsabbli, imma wkoll drittijiet li jista’ jiffirma u allura dawk il-proġetti li jkunu għamlu jkunu jistgħu jiċċertifikawhom bħala persuna, u mhux iridu jmorru għand persuna oħra li huwa inġinier bħalhom u għax l-warrant jista jiffirma”.
Preżentament hemm minn 157 student iggradwat fl-Inġinerija mill-MCAST li ma setgħux jingħataw il-warrant, u li issa permezz ta’ taħriġ għal tal-apposta, ser jikkwalifikaw ukoll għal din il-liċenzja.
Ma’ ONE NEWS, il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja saħaq li l-warrant li ser jibda jingħata lil kull Inġinier wara sentejn prattika ser ikollu firxa aktar wiesa ta’ opportunitajiet:
“Dan huwa għall-ġid tal-istudenti, u tal-pajjiż li jkollna aktar inġiniera li jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Dawn kollha għandhom bżonn il-liċenzja biex joperaw, u dan ser jiftah bibien kbar għall-MCAST, u bħala alternattiva jiġu l-MCAST biex isiru inġiniera”.
Huwa semma li minkejja li wieħed jista’ jagħżel fejn jistudja, is-sillabu ser ikunu wieħed stabbilit li jlaħħaq mal-istandards neċessarji:
“Dan ma jfissirx li se jkollna standards differenti minn korsijiet oħra tal-inġinerija- hemm standards stabbiliti- dawk se nirrispettawhom u flimkien mal-bord se niddiskutu kif nistgħu intejbuhom biex il-kors tal-inġinierija joħroġ minnu inġiniera tajbin għall-pajjiż”.