Numru ta’ tfal li jattendu SkolaSajf, kellhom l-opportunità li jifhmu aħjar l-importanza tal-użu responsabbli tal-flus permezz ta’ tagħlim prattiku minn għalliema u professjonisti fis-settur finanzjarju.
Il-proġett tmexxa minn ĠEMMA, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u SkolaSajf.
Il-qofol ta’ din l-attività intlaħaq permezz ta’ kompetizzjoni li saret bejn diversi gruppi ta’ tfal, ta’ bejn is-7 u l-11-il sena.
Grupp minnhom żejjen siġra bi kliem relatat mal-litteriżmu finanzjarju, tema li kienet diskussa waqt is-sessjonijiet fil-klassi, bid-diversi ħsibijiet tat-tfal jiffurmaw il-qafas ta’ dawn il-proġetti finanzjarji.
Sadanittant, it-tieni grupp ta’ tfal, li rebaħ din il-kompetizzjoni ħoloq logo għall-kompetizzjoni ĠEMMA ta’ din is-sena, b’mod kreattiv u fi spirtu ta’ tim.
Wieħed mis-subien li ħa sehem f’dawn l-attivitajiet tenna li waqt dan il-proġett mhux biss fehem kif iqassam iktar il-flus bil-għaqal, imma kienet esperjenza sabiħa li jieħu sehem f’kompetizzjoni ma’ tfal oħrajn.
“Biex inġemma l-flus u nixtri affarijiet oħra bil-flus li ġemmajt. Ħdima ħafna biex nagħmlu l-poster u konna qisna eċitati jekk ħa nirbħu jew le.”
Is-Senior Manager ta’ ĠEMMA, Marika Enriquez tennet li SkolaSajf toffri opportunità lit-tfal biex waqt li jqattgħu l-ħin jilgħabu ma’ sħabhom huma jkunu qed jitgħallmu xorta, però b’mod informali. Hi spjegat ukoll l-għan ewlieni ta’ ĠEMMA.
“L-għan ta’ ĠEMMA huwa li jgħallem it-tfal jifhmu kif jieħdu ħsieb il-flus, kif iqassmu l-flus minn età żgħira, li hemm ċertu prijoritajiet fl-infieq. Li pereżempju, mhux l-ewwel nixtru t-toy imma l-ewwel naraw li għandna l-ħwejjeġ qed jiġuna. Jiġifieri tibda’ minn aspetti bażiċi ovjament ħalli t-tfal imbagħad ikunu jistgħu jibnu fuqhom aktar ma jikbru.”