Diversi studenti tal-primarja u sekondarja li pparteċipaw f’attivitajiet edukattivi ambjentali favur il-ħarsien tal-oċeani kienu ppremjati f’ċerimonja li saret fl-Akkwarju Nazzjonali f’San Pawl il-Baħar.
Dan bħala parti mill-jum dinji tal-oċeani li kien iċċelebrat iżjed kmieni dan ix-xahar, f’attività konġunta bejn l-Università ta’ Malta, l-Istitut Internazzjonali għall-Oċeani u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-bijologu tal-ibħra Alan Deidun sostna li f’dan l-avveniment li issa daħal fil-ħames sena tiegħu, jara lill-istudenti jagħmlu riċerka u jieħdu sehem fi kwiżż dwar l-oċeani.
Huwa spjega: “Nagħmlu event għall-iskejjel biex kemm jista’ jkun nippromovu kultura akbar ta’ għarfien għall-ibħra tagħna, dak li ngħidulu ocean literacy.”
Il-Professur Deidun semma li din is-sena minkejja l-isfidi tal-Covid-19, ipparteċipaw iżjed studenti minn qatt qabel.
Il-Prof. Deidun sostna: “Ma stennejniex dan l-ammont ta’ konkorrenza għax fil-fatt kważi ħames mitt student minn skejjel primarji u sekondarji li pparteċipaw, ma stennejniex ħa jkun numru dak l-ammont kbir speċjalment meta tqis li l-quiż kien miftuħ biss għal perjodu qasir.”
Ir-rebbieħa kienu ppremjati b’kotba, filwaqt li dawk kollha li ħadu sehem kellhom ċans iżuru l-Akkwarju Nazzjonali f’San Pawl il-Baħar.
L-iżjed skola b’rebbieħa kienet l-iskola sekondarja ta’ Pembroke Kulleġġ Santa Klara. L-Assistent Kap tal-Iskola Dorianne Ferrante sostniet li din l-inizjattiva kienet waħda utli ferm għall-istudenti.
Hija qalet: “Kellna ħafna tfal li pparteċipaw fl-iskola tagħna u llum mgħobbija b’dawn kolla għax kienet l-aktar skola li fiha pparteċipaw għal din l-attività. Kellna wkoll xi tfall rebbieħa, kienet xi ħaġa sabiħa ħafna għax dawn l-attivitajiet minbarra li jippromotejaw l-awareness, anki t-tfal baqgħu impenjati b’affarijiet differenti minn tas-soltu.”
Sentiment simili kien espress fost l-istudenti stess, fosthom Bettina Farrugia mill-iskola ta’ Santa Monika f’Birkirkara.
Hija qalet: “Inħossni vera ferħana li kelli opportunità li nkun f’dan il-quiż u ħadt ħafna gost nagħmlu dan il-quiż għax tgħallimt ħafna u vera kienet opportunità u esperjenza sabiħa.”
Waqt il-preżentazzjoni tal-premijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici semma ħidmet l-eks Ambaxxatur Malti Arvid Pardo, li kien kiteb il-liġi internazzjonali tal-ibħra, kif ukoll l-eks Kummissarju Ewropew minn Malta Karmenu Vella fil-qasam tal-oċeani.
Qal li jittama li titnissel kuxjenza fl-istudenti dwar l-importanza għall-bnedmin li nibżgħu għall-oċeani.