Erba’ studenti minn pajjiżi fost l-inqas żviluppati ntgħażlu biex jibbenefikaw minn boroż ta’ studju marbuta mat-tibdil fil-klima.
L-istudenti huma minn Botswana, Żambja, Grenada u Palau.
F’kelmtejn, ir-rettur tal-Universita’ ta’ Malta, Professur Alfred Vella qal li l-ammont ta’ dijosidu tal-karbonju inbidel drastikament f’inqas minn mitt sena u ġab miegħu konsegwenzi li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma rriversibbli. Qal li kien għalhekk li nħolqu dawn il-boroż ta’ studju bil-ħsieb li minn pajjiżi żviluppati bħal Malta tingħata għajnuna għal aktar riċerka lil pajjiżi oħra.
Min-naħa tiegħu, l-<inistru għall-ambjent u t-tibdil fil-klima, Jose Herrera fisser kif l-ewwel darba li tħabbar dan il-programm ta’ boroż ta’ studju kien waqt summit mill-Prim Ministru Joseph Muscat, lura fit-tlieta u għoxrin ta’ Settembru tal-elfejn u erbatax. Stqarr li kien hemm aktar minn mitt applikant li wrew interess f’dawn il-boroż ta’ studju. Tenna li Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tiddiskuti t-tibdil fil-klima u komessa li tkompli tagħmel dan ukoll fis-snin li ġejjin.
Flimkien ma’ dawn l-istudenti, se jingħaqdu tliet studenti oħra s-sena d-dieħla li wkoll se jibbenefikaw minn boroż ta’ studju biex tiġi ġġenerata aktar riċerka, anke fejn jidħol l-ambjent marittimu.
Yolande Newton miz-Zambja esprimiet is-sodisfazzjon tagħha partikolarment hekk kif pajjiżha nieda l-ewwel politika tiegħu fuq it-tibdil fil-klima propju ġimgħatejn ilu.