Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar li mill-bidu tas-sena eluf ta’ studenti oħra bdew igawdu mill-miżura li tħabbret fil-budget għal din is-sena biex jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja mingħajr ma jħallsu għan-noll.
Fil-budget għal din is-sena tħabbar li dan il-benefiċċju li qabel kien jingħata liż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-għoxrin sena twessa’ wkoll għal dawk li għandhom erbatax u ħmistax-il sena kif ukoll studenti li se jsegwu kors full time u li jkunu għalqu l-għoxrin sena.
Waqt li kien qed iħabbar l-estensjoni tas-servizz magħruf bħala Bus20+, il-Ministru Borg qal li matul is-sena li għaddiet aktar minn 24 elf żagħżugħ u żagħżugħa gawdew minn dan is-servizz b’investiment ta’ żewġ miljun u mitejn elf ewro.
Il-Ministru Borg qal li din l-iskema qed tkun ta’ benefiċċju finanzjarju għall-familji u għall-ġenituri li qed jiffrankaw milli jużaw il-karozza privata tagħhom f’ħinijiet fejn it-toroq jkollhom volum ta’ karozzi.
Il-Ministru Ian Borg stqarr żġur li dan jikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern, strateġija ħolistika, illi mhux biss nindirizzaw l-infrastrutura tagħna, it-toroq tagħna. Imma fuq kollox naraw li s-servizz tat-trasport pubbliku jkun wieħed effiċjenti.
Il-Ministru Borg żied jgħid li permezz ta’ din il-miżura, il-Gvern qed jimbotta l-użu ta’ mezzi alternattivi tat-trasport minn dik tal-vettura privata.
Waqt it-tnedija tas-servizz, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li mill-bidu tas-sena skolastika, il-Gvern beda joffri trasport b’xejn lill-istudenti kollha tal-primarja u s-sekondarja mill-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal “dan ifisser li b’kollox qegħdin nipprovdu servizz skolastiku għal 28,000 studenti f’kull tip ta’ skola li għandna f’pajjiżna. Madankollu jibqgħalna 275 li għadna m’aħniex nipprovdulhom servizz”.
Il-Ministru Bartolo qal għalkemm in-numru naqas drastikament mill-bidu tas-sena skolastika, il-Ministru sostna li se jkompli b’ħidmietu biex jinstab trasport għal kull student li jwsassalhom fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Dr Clifton Grima qal li miżura bħal tal-linja b’xejn għaż-żgħażagħ turi li l-Gvern qed idaħħal il-mentalità għal aktar użu tat-trasport pubbliku.